Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg u l-Ministru tal-Istat tal-Emirati Għarab Magħquda Ahmed Bin Ali Al Sayegh mexxew flimkien l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda, f’Abu Dhabi, il-Ħamis.
Din il-Kummissjoni ġdida hija żvilupp importanti fit-tisħiħ tar-rispett, tal-ambizzjonijiet kondiviżi u tal-kollaborazzjoni effettiva bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda, hekk kif iż-żewġ pajjiżi jkomplu jibnu fuq il-ħamsin anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejniethom fl-2023.
Qabel il-laqgħa ministerjali tal-Kummissjoni ta’ nhar il-Ħamis, aktar kmieni din il-ġimgħa ż-żewġ pajjiżi kellhom taħditiet ta’ tħejjija, fejn qiesu l-kollaborazzjonijiet li għaddejjin bħalissa u fasslu t-triq ’il quddiem għal ħidmiet ta’ sħubija strateġika fis-sentejn li ġejjin. Iddiskutew temi ewlenin t’interess għaż-żewġ naħat, fosthom il-kummerċ u l-investiment, is-saħħa, l-innovazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, is-sigurtà ċibernetika, l-azzjoni klimatika, it-turiżmu, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-qasam marittimu.
Malta tenniet li tinsab lesta li tkompli żżid il-koperazzjoni bilaterali produttiva f’dawn l-oqsma, filwaqt li saħqet dwar l-importanza li jibdew taħditiet tekniċi dwar oqsma ġodda oħra.

“It-twaqqif ta’ din il-Kummissjoni Konġunta jfisser aktar minn sempliċiment il-formalizzazzjoni tad-djalogu. Hija konferma ta’ impenn politiku ċar miż-żewġ naħat sabiex insaħħu l-koperazzjoni bilaterali bejnietna permezz ta’ proċess strateġiku u strutturat,” qal id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, filwaqt li żied jgħid li “qegħdin hawn din il-ġimgħa sabiex nibdlu dawn l-aspirazzjonijiet li naqsmu flimkien f’riżultati konkreti u tanġibbli.”
Il-Ministru tal-Istat Ahmed Bin Ali Al Sayegh laqa’ t-twaqqif tal-Kummissjoni Konġunta, u stqarr li Malta hija sieħeb affidabbli tal-Emirati Għarab Magħquda. Sostna li “hemm potenzjal kbir biex naħdmu flimkien f’diversi oqsma ta’ kooperazzjoni, għaliex nafdaw lil Malta bħala sieħeb serju.”
Iż-żewġ pajjiżi qablu wkoll dwar il-ħtieġa ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn l-UE u l-Golf. “Malta tappoġġja l-ħidma tal-UE mal-pajjiżi tal-Golf, speċjalment ir-relazzjoni b’saħħitha mal-Emirati Għarab Magħquda. B’mod konsistenti mexxejna ’l quddiem l-importanza ta’ relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Golf, mhux bħala konvenjenza, iżda bħala strateġija konsistenti li tħares fit-tul,” qal Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru Borg u l-Ministru Al Sayegh ftiehmu li t-tieni sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta għandha ssir f’Malta.