L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) nediet it-tieni edizzjoni tal-inizjattiva ‘Qatt Mhu Tard’, din id-darba b’sejħa għal espressjoni ta’ interess għal proġetti marbuta mal-letteratura. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tagħti spazju u appoġġ lill-anzjani li għandhom ħolm letterarju imma s’issa ma setgħux iwettquh.
Se jiġu appoġġjati proġetti kreattivi ta’ persuni ta’ ’l fuq minn 60 sena u li ma jaħdmux. Il-fondi se jiġu mqassma bejn proġetti magħżula, b’massimu ta’ €1,000 għal kull proġett. Din l-inizjattiva tgħin sabiex l-anzjani jesprimu t-talent tagħhom, jerġgħu jħossu sens ta’ skop u sodisfazzjon u jkomplu jgħixu ħajja attiva b’mod kreattiv u pożittiv.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, fakkar li, “Din hija inizjattiva li twieldet minn anzjan li tkellem magħna dwar ix-xewqa tiegħu li jikteb. Minn kelma waħda twieled programm sħiħ. Inkomplu nisimgħu lill-anzjani, noffrulhom spazju biex joħolmu u naraw il-ħolm tagħhom isir realtà.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-AACC, Dr Renzo De Gabriele, saħaq, “Dan il-proġett joħroġ l-aqwa fl-anzjani: il-ħila li jispiraw, jiftakru, u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Nemmnu li l-kreattività m’għandhiex età, u ‘Qatt Mhu Tard’ jagħti leħen lil dawk il-ħolm li setgħu ġew sospiżi iżda qatt ma ntesew.”
Joseph Farrugia, magħruf bħala “it-Timba,” huwa eks pumpier u bennej li llum jaqsam stejjer mill-passat tiegħu fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Mid-Djarju tat-Timba’. Fid-diskors tiegħu sostna li grazzi għal din l-inizjattiva, issa għandu l-opportunità li jikkonverti l-memorji tiegħu f’kitba strutturata, u jkompli jżomm ħaj il-wirt kulturali u l-memorja kollettiva ta’ ħajtu.
L-ewwel edizzjoni ta’ ‘Qatt Mhu Tard’ kienet iffukata fuq il-mużika, u rat għadd ta’ proġetti artistiċi minn anzjani li rċevew sapport finanzjarju biex iwettqu ħolma li kienet ilha tinbet f’moħħhom. Dawn il-proġetti kienu jvarjaw minn pubblikazzjoni ta’ kotba u kanzunetti fuq pjattaformi diġitali, sa titjib fl-għodod u l-programmi li jużaw biex joħolqu u jaqsmu l-kreattività tagħhom. Din kienet prova ċara ta’ kif l-espressjoni artistika tista’ tkompli tiffjorixxi fi kwalunkwe stadju tal-ħajja.
Din l-edizzjoni tagħti l-possibbiltà lill-anzjani li jiktbu, jaqsmu l-istejjer tagħhom, joħolqu poeżiji jew ħolqien letterarju ieħor. Aktar ’il quddiem, l-AACC beħsiebha tespandi din l-inizjattiva għal oqsma artistiċi oħra bħall-arti viżiva, it-teatru u ż-żfin.