Taljan ta’ 31 sena, Magdy Islam Rashad, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li wettaq serqa minn fuq anzjana ta’ 93 sena, fejn allegatament imbottaha u waqqagħha fl-art.
Il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa l-Kbira f’Ta’ Xbiex waqt li l-anzjana kienet sejra għall-quddies. Skont il-Prosekuzzjoni, ir-raġel allegatament resaq lejha, ġibdilha ġiżirana li kienet liebsa u, imbagħad, imbottaha fl-art.
Il-Pulizija rnexxielhom jidentifikaw lill-allegat aggressur fi ftit ħin, permezz ta’ filmati tas-CCTV.
Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, l-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm arrestat.