Aktar minn 50,000 ruħ diġa għaddew minn ħdejn l-Altar tal-Konfessjoni fl-ewwel 24 siegħa minn mindu l-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan fetħet il-bibien għall-pellegrini l-Erbgħa filgħodu sabiex jagħtu l-aħħar tislima lill-ġisem ta’ Papa Franġisku li jinsab espost għall-pubbliku.
Il-Bażilika ta’ San Pietru filfatt baqet miftuħa l-lejl kollu sal-5:30 ta’ dalgħodu u għalqet biss għal siegħa u nofs hekk kif reġgħet fetħet fis-7:00 biex takkomoda n-numru kbir ta’ nies jistennew biex jidħlu.
It-tebut tal-Papa se jkun issiġillat għada l-Ġimgħa fit-8:00 ta’ filgħaxija b’rit liturġiku li se jkun immexxi mill-Camerelengo tal-Knisja Kattolika Rumana, il-Kardinal Kevin Farrell.
Għal din iċ-ċerimonja jattendu diversi Kardinali u uffiċjali tas-Santa Sede u ġġib fi tmiem l-espożizzjoni ta’ ġisem il-Papa. Fost dawk mitluba biex jassistu waqt ir-rit liturġiku hemm il-Kardinali Giovanni Battista Re, Pietro Parolin, Roger Mahoney, Domenique Mambert, Mauro Gambetti, Baldassare Reina u Konrad Krajewski.
Magħhom ukoll l-Arċisqfijiet Edgar Peña Parra u Ilson de Jesus Montanari, Monsinjur Leonardo Sapienza, Il-Kanonku tal-Kapitlu tal-Vatikan, il-Penitenzjarji Ordinarji Minuri tal-Vatikan, is-Segretarji ta’ Papa Franġisku u oħrajn.
Wara l-konċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-funeral is-Sibt fl-10:00 ta’ filgħodu fi Pjazza San Pietru, jiskatta l-bidu tan-Novemdjali, tradizzjoni antika ta’ disat’ijiem ta’ luttu u quddies għal-ruħ il-Papa.
Il-quddies tan-Novemdjali jsir kuljum fil-5:00 ta’ wara nofsinhar fil-Bażilika ta’ San Pietru.