Waqt il-ftuħ tal-EU Startups Summit li qed ikun ospitat għat-tieni sena f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar regolamenti ġodda taħt il-kunċett ta’ Startup Framework.
Dawn ir-regolamenti se jwasslu għat-twaqqif ta’ startup one-stop-shop u l-kumpaniji li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibilità li jiddefinixxu startup se jkunu jistgħu jaċċessaw appoġġ żviluppat apposta.
Dr Abela spjega li inizjattiva waħda se tkun qed tinvolvi titjib fl-inċentivi ta’ share options u share awards.
F’dan l-avveniment li qed isir bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, fejn Malta qed tilqa’ aktar minn 2,000 persuna minn madwar l-Ewropa u lil hinn, il-Prim Ministru tkellem dwar diversi temi fosthom it-tibdil fil-klima, it-tranżizzjonijiet diġitali, u sfidi ekonomiċi u ġeopolitiċi kumplessi. Madankollu, il-Prim Ministru aċċenna li f’kull sfida, l-istartups jistgħu jkunu katalisti kruċjali għal bidla.
Irrimarka li kull innovazzjoni, minn enerġija nadifa u fintech sa intelliġenza artifiċjali u bijoteknoloġija, tibda bħala idea li b’dedikazzjoni u ħafna xogħol tista’ ssir realtà.
Il-Prim Ministru elenka t-trasformazzjoni ta’ Malta fl-aħħar għaxar snin minn ekonomija tradizzjonali għal ċentru dinamiku ta’ innovazzjoni.
Huwa faħħar ir-rwol sinifikanti tal-Malta Enterprise, li appoġġjat aktar minn 190 startup fl-aħħar ħames snin. Hawn elenka li dawn ħolqu mijiet ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja madwar diversi setturi.
Dawn ir-riżultati ġew wkoll iċċertikati mir-rapport tal-European Startup Nationa Alliance – l-ESNA – fejn Malta tikkwalifika fir-4 post fil-lista tal-pajjiżi ghall-istartups innovattivi fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru temm l-indirizz tiegħu billi ħeġġeġ il-kollaborazzjoni fost l-istakeholders kollha u appella lill-investituri, lil dawk li jfasslu l-politika, u lill-intraprendituri biex jaħdmu flimkien biex jikkultivaw ekosistema fejn l-innovazzjoni tirnexxi.
Dan l-avveniment ewlieni organizzat wara l-pubblikazzjoni digitali influwenti “EU Startups” iservi bħala pjattaforma biex tlaqqa l-intraprendituri tar-reġjun. Il-kumpanija ilha ssegwi x-xena tal-istartups tal-Unjoni Ewropeq mill-2010 u tellgħet il-konferenza f’ diversi bliet fil-Ġermanja u Spanja qabel ma stabbilixxiet ruħha f ’Malta s-sena li għaddiet.
L-avveniment din is-sena ospita wkoll lil Ekaterina Zaharieva, il-Kummissarju Ewropew il-ġdid għall-istartups, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni flimkien ma’ fundaturi influwenti oħra ta’ kumpaniji unicorn.