Il-Gvern Malti tejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħu b’1% tal-ġid nazzjonali s-sena li għaddiet. Dan hekk kif id-deficit naqas minn 4.7% għal 3.7%. Fl-istess żmien ċifri tal-Eurostat jindikaw li, madwar l-Unjoni Ewropea, kien hemm titjib fid-deficit ta’ 0.3% biss.
B’hekk it-titjib fil-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna kien tliet darbiet aħjar mill-medja Ewropea.
Dan filwaqt li, f’14-il stat membru, id-defiċit mhux talli naqas, imma talli żdied. L-agħar sitwazzjoni kienet fir-Rumanija fejn id-deficit żdied minn 6.6% għal 9.3%. Fl-Awstrija s-sitwazzjoni fiskali marret għall-agħar, minn 2.6% għal 4.7%. Fil-Finlandja, il-Gvern ra d-deficit jiżdied minn 3% għal 4.4%.
L-istrateġija tal-Gvern Malti li investa bil-qawwi f’sostenn ekonomiku fl-eqqel tal-pandemija qed tħalli l-frott. Dan hekk kif minn defiċit ta’ 8.7% fl-2020, l-iżbilanċ tal-Gvern issa naqas bi kważi żewġ terzi.
Is-sena l-oħra, id-dejn nazzjonali Malti naqas minn 47.9% għal 47.4%, jew b’0.5%. Bil-maqlub, madwar l-Unjoni Ewropea d-dejn nazzjonali mhux talli naqas, imma talli żdied minn 80.8% għal 81%.
Dan juri kif il-politika ta’ investiment mill-Gvern Laburista qed twassal għal qagħda fiskali aktar sostenibbli, ladarba wkoll l-ekonomija Maltija qed tikber b’rata ferm aktar għolja minn dik Ewropea u l-piż tad-dejn qed jonqos, waqt li fl-Ewropa qed jikber.
Miżuri ta’ awsterità, li adottaw diversi pajjiżi Ewropej, qed iwasslu għal tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tagħhom u jxejjen il-miri ta’ diversi gvernijiet li wkoll jixtiequ jtejbu l-finanzi pubbliċi, iżda mhux jirnexxielhom.
Aqra aktar: