Il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, għadu kemm ippubblika t-tbassir tiegħu għall-andament tal-ekonomija globali, il-World Economic Outlook.
F’din il-pubblikazzjoni, l-esperti tal-IMF ibassru li din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber bi 3.9%. Dan meta fil-bqija taż-Żona Ewro, it-tkabbir ekonomiku se jkun biss ta’ 0.8%.
B’hekk, minkejja l-qagħda ekonomika internazzjonali mwegħra, pajjiżna mistenni jkollu andament ekonomiku kważi ħames darbiet dik tal-bqija taż-Żona Ewro.
L-esperti tal-IMF qed ibassru li, din is-sena, Malta se terġa’ tkun il-pajjiż Ewropew bl-aqwa tkabbir ekonomiku. Dan hekk kif ġganti ekonomiċi, bħall-Ġermanja, mistennija jistaġnaw, mentri r-rata ta’ tkabbir fi Franza u fl-Italja se tonqos bin-nofs.
Fil-fatt l-esperti internazzjonali rrevedew ’l isfel it-tkabbir ekonomiku globali u sostnew li hemm riskji serji li dan it-tbassir ikollu jerġa’ jitnaqqas jekk jitwettqu pjani minn ċerti gvernijiet li jimponu ostakli għall-kummerċ internazzjonali.
Madankollu, ir-rapport tal-IMF jindika li, anke s-sena d-dieħla, l-ekonomija ta’ pajjiżna se tibqa’ l-aqwa waħda fl-Ewropa fir-rigward ta’ tkabbir ekonomiku. Fil-fatt l-ekonomija Maltija mbassra li tikber għal darb’oħra bi 3.9%.
Skont l-IMF ukoll, kemm din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla, pajjiżna se jkollu rata ta’ inflazzjoni inqas mill-medja taż-Żona Ewro. Dan hekk kif se tonqos minn 2.4% għal 2.1% din is-sena u, imbagħad, għal 1.9% is-sena d-dieħla.
Minbarra hekk, l-esperti internazzjonali jsostnu li r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna se tkun ta’ 3.1% u b’hekk jibqa’ bl-inqas qgħad fiż-Żona Ewro.
Aqra aktar: