16:46 – Dr Vella issa beda jitkellem fuq il-fatti dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Hawn spjega li nhar is-16 ta’ Otturbu fl-2017, għall-ħabta tat-3:00 p.m. kienet seħħet splużjoni fil-Bidnija bil-konsegwenza li nqatlet Caruana Galizia. Dan wasal biex il-katavru ta’ Galizia spiċċa biċċiet f’għadd ta’ għelieqi fil-madwar u partijiet maħruqin. Hawn spjega kif kien hemm l-għajnuna ta’ investigaturi barranin ma’ dawk lokali.
16:42 – Dr Anthony Vella issa beda jitkellem fuq l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda qabel fakkar li l-preġudizzju m’għandux jinfluwenza lill-ġurati. Saħansitra sejjaħ dan bħala “l-għadu tal-ġudizzju”.
16:39 – Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega d-dinamika tal-omiċidju tal-Avukat Dr Carmel Chircop. Wara li qagħdu jsegwuh u jaraw il-passi li jagħmel, minn hemm l-akkużati qablu li joqtluh b’tir ta’ revolver minn ġo vettura. Dan kollu, fi kliem l-Avukat Anthony Vella, minħabba flus li Adrian Agius ried jagħti lill-avukat. Kien għalhekk, kompla jgħid Dr Vella li l-aħwa tal-Maksar ikkummisjonaw u kienu l-mandanti fil-qtil tal-avukat Karkariż.
16:34 – Wara waqfa qasira, jidħlu fl-awla l-ġurati u l-Imħallef Grima u jkompli d-diskors introdottorju tal-Avukat Anthony Vella.
15:46 – L-Avukat Vella beda jispjega l-omiċidju tal-avukat Karkariż, Dr Carmel Chircop. Chircop, li nstab mimdud mal-art f’garaxx f’għadira demm, nofsu ġewwa u saqajh barra l-bieb tal-komun, kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru 2025. Hawn spjega li l-mottiv wara dan il-qtil, li allegatament ġie ordnat mill-aħwa Agius, kien li Chircop kellu jingħata somma sostanzjali ta’ flus mingħand Adrian Agius.
15:26 –L-Avukat tal-Prosekuzzjoni tkellem ukoll fuq iż-żewġ omiċidji fejn semma lil Vince Muscat, magħruf bħala “l-Koħħu”, u l-involviment tiegħu f’dawn iż-żewġ każijiet. Hawn spega li l-“Koħħu” kien ammetta sehemu fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, filwaqt li spjega kif kien ingħata l-proklama fil-qtil ta’ Carmel Chircop. Minħabba f’hekk hu se jkun wieħed mix-xhieda ewlenin f’dan il-każ. Xhud ieħor importanti li semma l-Avukat Vella se jkun Melvin Theuma, li wkoll ingħata l-proklama biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
15:21 – L-Avukat Vella kompla jispjega lill-ġurati, li wara li jinstabu s-suspettati li wettqu d-delitt, ikun hemm kumpilazzjoni fejn jibdew jinġabru l-provi kollha – kemm favur kif ukoll kontra. Kif tispiċċa l-kumpilazzjoni, l-Avukat Ġenerali jara l-provi biex minn hemm imbagħad joħroġ l-att ta’ akkuża.
15:08 – L-Avukat Vella għadda biex jispjega l-passi u l-proċess li jkun hemm wara delitt. Qal li, normalment, spettur imur għand maġistrat biex jiftaħ inkjesta u dan biex jiġu ppriservati l-provi u x-xena. Minn hemm, il-Maġistrat imur fuq il-post u jibda jaħtar l-esperti għal dan il-għan. Hawn intqal li, fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien hemm ukoll esperti barranin, fosthom mill-Europol, li ħadmu ma esperti Maltin biex jinġabru l-provi kollha minn fuq il-post. Dan għen lill-esperti biex jerġgħu jibnu mill-ġdid il-bomba li ntużat.
15:00 – Dr Vella kompla li “fejn jidħlu fatti intom sovrani” u li l-eżami tal-provi jrid isir minn kull ġurat waħdu, mingħajr l-ebda indħil. Hu wkoll tahom parir biex waqt is-sottomissjonijiet li se jsiru, il-ġurati jieħdu n-noti tagħhom biex jgħinhom fil-verdett li jkunu se jieħdu.
14:44 – “Intom l-imħallfin tal-fatt” kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Avukat Vella lill-ġurati. Elenka wkoll li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali “ma jakkużawx individwi b’kapriċċ” u spjega li dan il-każ partikolari ġie wara investigazzjonijiet massivi.
14:39 – Jibda l-intervent tiegħu l-Avukat Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li spjega lill-ġurati li l-interess tal-Prosekuzzjoni hu li toħroġ il-verità kollha biex ikun hemm ġustizzja sħiħa.
14:38 – Jidħlu l-ġurati.
14:35 – Tidħol fl-awla l-Imħallef Edwina Grima.
14:28 – Jidħlu fl-awla l-Prosekuzzjoni, l-avukati difensuri kif ukoll l-erba’ akkużati.
14:00 – Sinjuri nerġa’ nsellmilkom, il-midja qed terġa’ tirritorna f’Awla 22 fejn fi ftit tal-minuti oħra mistenni jkompli l-ġuri dwar iż-żewġ omiċidji separati ta’ Daphne Caruana Galizia permezz ta’ bomba mal-karozza tagħha fl-2017 fil-Bidnija u l-ieħor tal-Avukat Carmel Chircop b’tiri ta’ arma tan-nar sentejn qabel f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara. Fil-ħin li ġej mistennija jagħmlu l-interventi ta’ ftuħ il-Prosekuzzjoni.
11:46 – L-Imħallef ittemm l-indirizz tagħha f’dan l-istadju biex, issa, saret waqfa, bil-proċess mistenni jkompli għall-ħabta tas-2:00 ta’ waranofsinhar.
11:37 – “Importanti l-parteċipazzjoni tagħkom” – kliem l-Imħallef Grima fejn enfassizat li, ladarba huma l-ġurija li se jaslu għall-verdett tagħhom, hu importanti s-sehem ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Dan jistgħu jagħmluh kemm permezz ta’ noti li jieħdu waqt dan il-ġuri, kif ukoll permezz ta’ mistoqsijiet li jistgħu jistaqsu.
11:31 – L-Imħallef Grima spjegat li l-ġurija għandhom jaslu għal deċiżjoni waħedhom mingħajr l-ebda indħil. Hawn spjegat li r-rwol tagħha hu biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet legali. Spjegat lid-deċiżjoni li jaslu għaliha l-ġurati għandha tkun fuq il-fatti u l-provi li se jkunu qed jistemgħu f’dan il-ġuri. Enfasizzat li s-simpatija, il-preġudizzju jew il-biża’ m’għandhomx jaffettwaw id-deċizjonijiet finali tagħhom.
11:19 – L-Imħallef Grima hawn tibda tispjega r-rwol li għandhom l-ġurati f’dan il-każ biex, quddiem il-fatti li se jiġu ppreżentati f’dan il-każ, jaslu għal deċiżjoni jekk issibux ħatja jew le lill-akkużati.
11:14 – Jinqraw il-kapijiet kollha tal-akkużi, waqt li l-Imħallef Edwina Grima tibda l-indirizz tagħha lil ġurija.
11:00 – L-Avukat Ġenerali qed titlob li jekk l-erba’ akkużati jinstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha mill-ġurati, huma jiġu kkundannati s-sentenza ta’ għomor il-ħabs.
10:45 – Robert Agius, Jamie Vella u George Degiorgio qed jiġu akkużati wkoll li fil-pussess tagħhom kellhom splussiv jew armi tan-nar kontra l-liġi.
10:40 – Bħalissa f’Awla 22 qed jinstemgħu l-akkużi fil-konfront tal-aħwa Adrian u Robert Agius, Jamie Vella u George Degiorgio. Hawn intqal li huma jinsabu mixlija b’seba’ kapi ta’ akkuża bl-omiċidju volontarju tal-Avukat Carmel Chircop u bl-omiċidju volontarju jew kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
AKTAR QABEL:
Dalgħodu beda ġuri storiku li jorbot erba’ akkużati ma’ żewġ omiċidji separati – dak ta’ Daphne Caruana Galizia permezz ta’ bomba mal-karozza tagħha fl-2017 fil-Bidnija u l-ieħor tal-Avukat Carmel Chircop b’tiri ta’ arma tan-nar sentejn qabel f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara.
L-akkużati huma l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala “tal-Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio “ċ-Ċiniż”.
ONE News informat li dan il-ġuri dwar żewġ omiċidji f’daqqa fuq għażla tal-Avukat Ġenerali m’għandux preċedenti. Dan ukoll mistenni jkun wieħed mill-itwal ġurijiet li qatt seħħew fis-sistema ġudizzjarja lokali minħabba l-ammont ta’ xhieda li hemm skedati u, jekk kollox jimxi kif suppost, aktarx jieħu max-xahar u nofs.
Waqt li Robert Agius u Jamie Vella qed jiġu akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, Adrian Agius qed jiffaċċja l-akkużi li kkummissjona l-qtil tal-avukat u Jamie Vella u George Degiorgio li wettquh.
Jirriżulta li, fis-sigħat qabel beda l-ġuri, il-Prosekuzzjoni waqqgħet erbgħa mill-11-il kap ta’ akkuża fil-konfront tal-akkużati. Dawn kienu relatati mal-kriminalità organizzata.
Dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, George u ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala “l-Fulu”, diġà ammettew l-eżekuzzjoni fil-bidu ta’ ġuri ieħor f’Ottubru ta’ tliet snin ilu biex ma jeħlux għomorhom il-ħabs u ġew ikkundannati 40 sena ħabs kull wieħed. Is-sentenzi issa jinsabu fi stadju t’appell.
Minbarra hekk, fi Frar tal-2021, Vince Muscat “il-Koħħu” kien ammetta sehemu fl-omiċidju ta’ Caruana Galizia wara li l-Kabinett rrakkomanda li dan jingħata l-proklama dwar il-qtil ta’ Carmel Chircop, bil-kundizzjoni li jikxef kulma jaf. Hu ġie kkundannat 15-il sena ħabs.
Għaldaqstant, minħabba l-proklama, Muscat qed jitqies bħala l-aktar xhud importanti fil-ġuri, xi ħaġa li nistennew iżjed ’il quddiem.
Finalment, f’Awwissu tal-2021, ġie deċiż li hemm biżżejjed provi biex Yorgen Fenech jibda għaddej ġuri hu wkoll, akkużat li kien il-mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Mill-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena, hu jinsab fuq libertà kundizzjonata.
B’hekk, skont il-Pulizija, kull min seta’ kien involut fid-delitt ta’ ftit inqas minn tmin snin ilu qed jiskonta sentenza jew jinsab għaddej proċeduri ġudizzjarji.
Il-ġuri tal-lum qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, li f’Diċembru tal-2022 ukoll kienet ċaħdet talba minn Jamie Vella, li ried li din tirrikuża ruħha minħabba li ppresediet ukoll il-ġuri tal-aħwa George u Alfred Degiorgio.
Għal dan il-ġuri, li qed jitqies ukoll fost l-aktar importanti f‘għexieren ta’ snin u qed jattira l-interess anke tal-midja internazzjonali, issejħu mat-300 persuna biex minnhom jintagħżlu disgħa, li se jservu ta’ ġurati, u sitta oħrajn li jkunu ġurati ta’ riserva, flok is-soltu tlieta.
Dan il-proċess beda fid-9:00 ta’ dalgħodu u baqa’ għaddej għal iżjed minn siegħa u nofs.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukati Ġenerali Godwin Cini u Anthony Vella.
Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia għal Jamie Vella, l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin għal Robert Agius, l-Avukat Nicholas Mifsud għal Adrian Agius u l-Avukati Leslie Cuschieri u Noel Bianco għal George Degiorgio.