Wara l-mewt tal-Papa Franġisku, rapporti fil-midja internazzjonali komplew jindikaw l-ismijiet papabbli, li minnhom possibilment jintagħżel bħala l-Kap il-ġdid tal-Knisja Kattolika waqt il-Konklavi li jrid isir. Fost dawn l-ismijiet qed jerġa’ jissemma bi prominenza l-Kardinal Għawdxi Mario Grech.
Fost dawk li semmew lill-eks Isqof t’Għawdex fost il-favoriti hemm l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, li fakkret kif il-Kardinal Għawdxi nħatar bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijet, li hi waħda mill-aktar karigi b’saħħithom li jeżistu fil-Vatikan.

U allura pożizzjoni li tista’ tpoġġih f’vantaġġ fuq oħrajn. Fil-fatt l-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet qalet kif Grech hu magħruf sew mal-kardinali, minħabba r-rwol għoli li għandu fil-Vatikan.
Reuters fakkret kif, fl-2014, Grech kien għamel appell lill-Knisja fil-Vatikan stess biex taċċetta aktar lill-persuni LGBTIQ+ u tfittex modi ġodda biex tindirizza sitwazzjonijiet ta’ familji moderni.
L-għada, il-Papa Franġisku kien kellmu direttament u anke faħħru għal diskorsu.
Intqal ukoll kif Mario Grech ġej minn pajjiż żgħir u newtrali u, b’hekk, ma jkollu l-ebda kwistjonijiet ġeopolitiċi.
Il-gazzetta rinomata The Guardian ukoll semmiet lill-Kardinal Mario Grech fejn qalet li hu deher aktar progressiv wara li l-Papa Franġisku sar Kap tal-Knisja Kattolika fl-2013.
Fost ismijiet oħrajn papabbli hemm il-Kardinal Taljan Pietro Parolin, li hu s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan jew l-ekwivalenti għall-kariga ta’ Prim Ministru; il-Kardinal Filippin Luis Antonio Tagle u l-Kardinal mill-Ghana Peter Turkson.
Mill-konklavi, li mistenni jsir fil-bidu tax-xahar li ġej, kapaċi jwassal ukoll biex il-Knisja Kattolika jkollha l-ewwel Papa Asjatiku jew Afrikan.