Ġiet imnedija l-ewwel pubblikazzjoni komprensiva dwar l-evoluzzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna, permezz tal-ktieb ‘Evolution of social housing in Malta for the period 1943–2024’. Il-ktieb jagħti ħarsa storika u viżiva lejn il-bidliet kbar li għadda minnhom dan is-settur mit-Tieni Gwerra Dinjija sal-lum il-ġurnata.
Il-pubblikazzjoni, frott ta’ xhur ta’ riċerka u ħidma, għandha l-għan li turi kif il-politika adottata għall-akkomodazzjoni soċjali nbidlet b’mod dinamiku – minn proġetti fuq skala kbira fis-snin 40 u 50 sa inizjattivi mmirati u kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet fis-snin riċenti.
Fost dawn, jispikka l-proġett Dar Bla Ħitan fil-Birgu, li jgħin lill-eks priġunieri jintegraw lura fis-soċjetà, u Dar Tereża, li tipprovdi akkomodazzjoni għal ommijiet li jsofru minn problemi ta’ saħħa mentali, li dan l-aħħar ukoll rebħet l-unur għall-impatt fil-komunità.
Il-Ministru responsabbli mill-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, Rodrick Galdes, li kien preżenti għat-tnedija, enfasizza kif dan il-qasam jibqa’ prijorità assoluta għall-Gvern Laburista.
Fl-2024 biss, ġew allokati 514 unit f’diversi lokalitajiet, waqt li għaddej ukoll l-akbar proġett ta’ housing soċjali f’Ħal Farruġ, fil-limiti ta’ Ħal Luqa, b’investiment ta’ €40 miljun.

“Din il-pubblikazzjoni timmarka mhux biss il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità fl-1976 taħt Gvern Laburista, imma wkoll intiża bħala l-ewwel pubblikazzjoni storika li wieħed jista’ jagħmel referenza għaliha anke b’mod akkademiku. Sal-lum, anke student ma tantx kellu informazzjoni, jew, inkella, parti mill-istorja u informazzjoni dwar il-qasam tal-housing f’Malta. U, allura, issa ħadna mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn x’ġara f’pajjiżna. Illum, ħafna, għexieren ta’ eluf ta’ familji, għexu fl-oqsma tad-djar f’pajjiżna u kienu parti anke mit-tkabbir soċjali li seħħ f’pajjiżna sa mill-Gwerra ’l hawn u allura din il-pubblikazzjoni se tgħin biex din l-informazzjoni wkoll tingħata anke liċ-ċittadini privati”.
Il-Ministru Rodrick Galdes
Il-ktieb mhux biss jiddokumenta l-passat, iżda jservi bħala għodda għal politika futura, parti mill-perspettiva wiesa’ ta’ Viżjoni Malta 2050, li tfittex li tirrispondi għat-tibdiliet ekonomiċi u soċjali b’miżuri konkreti u sensittivi lejn il-ħtiġijiet tal-komunità.
Ġie spjegat li dan hu kapitlu ġdid f’dik li kienet – u għadha – storja ta’ solidarjetà, drittijiet u progress fil-qalba tas-soċjetà Maltija.