Għadd ta’ kumpaniji Maltin mhux biss qed jaraw suċċess fi gżiritna, imma wkoll qed iduru madwar id-dinja jesponu u jxerrdu l-prodotti tagħhom.
Rappreżentanti minn żewġ kumpaniji, li ftit ilu kienu qed jesebixxu il-xogħol tagħhom fil-Brażil waqt il-fiera tas-SiGMA, kumpanija oħra Maltija bl-akbar suċċess internazzjonali, spjegawlna proprju dak li qed jesperjenzaw attwalment fl-iżvilupp tagħhom.
Clayton Xuereb, li ilu jopera l-kumpanija tal-kafè Lot61 ibbażata f’Malta għal dawn l-aħħar tmin snin, spjega kif llum, bir-rata ta’ kobor li qed jesperjenzaw, ta’ sikwit jintalbu jieħdu sehem f’avvenimenti lil hinn minn xtutna biex jgħinu kumpaniji barranin jattiraw in-nies lejhom.
Fil-fatt qalilna li, fl-aħħar xhur, diġà daru sitt pajjiżi, filwaqt li l-mira hi li jkomplu jespandu u jduru pajjiżi iżjed imbegħda, bħall-Ġappun.
Waqt li tenna li Malta tibqa’ l-bażi tal-operat tagħhom hekk kif il-kafè jissajjar hawnhekk, Xuereb spjega s-sodisfazzjon għal kumpanija minn wieħed mill-iżgħar pajjiżi.
“Nixtieq li nagħmlu events akbar milli qed nagħmlu diġà, però diġà vera ferħan b’li qed nagħmlu. Inħossni vera kburi li qed nagħmlu li qed nagħmlu bħala Maltin u nixtieq li mmorru f’pajjiżi oħrajn, bħall-Korea u l-Ġappun.”
Id-Direttur Clayton Xuereb
Kumpanija oħra, li wkoll esebixxiet xogħolha fil-Brażil, hi Molecular Fusion, li tieħu ħsieb kemm tiġijiet, events ta’ kumpaniji u llum daħlu wkoll fis-settur tal-gaming.
F’kummenti li għadda, id-Direttur Eddie Bonello spjega kif ilhom is-snin jipparteċipaw f’expos, fejn l-ewwel bdew f’Londra u llum qed iduru d-dinja fejn żaru Dubai, Rio De Janero u Barċellona, waqt li qed jimmiraw li jżuru wkoll il-Ġermanja u Ruma.
Meta mistoqsi dwar dak li ppermetta l-kumpanija tikber b’rata sostanzjali, Bonello wieġeb li s-sigriet hu l-investiment.
“Ninvestu ħafna fin-nies, ninvestu ħafna fil-kwalità u konsistenza. Dawk it-tlieta jagħmlu l-aqwa riċetta u maġija.”
“Dejjem iffokaw fuq il-kwalità. Il-kwalità hi dejjem l-aktar ħaġa importanti. Jekk tnaqqas fil-kwalità, imbagħad, ir-reputazzjoni tiegħek tonqos”.
Direttu, Molecular Fusion, Eddie Bonello,
Hu temm jgħid kif li huma li ġejjin minn Malta, b’qis ġeografiku żgħir, mhuwiex ta’ żvantaġġ, dan għax pajjiżna joffri spazju adegwat biex kumpaniji, bħal start-ups, jibnu pedamenti sod.