Ħal Għaxaq se jittrasforma f’ċentru ta’ mużika live bi tliet serati spettakolari tas-Summerlust Music Festival, li se jsir fuq tlett ijiem fix-xahar id-dieħel fiż-żona tal-Għaxaq Grounds, proprju biswit il-pjazza ewlenija tar-raħal.
Waqt li l-aħħar preparamenti jinsabu għaddejjin għal dan l-avveniment, li jiftaħ l-istaġun sajfi b’mod grandjuż u b’artisti oħrajn rinomati, tkellimna ma’ Frank Zammit, f’isem l-organizzaturi, l-Għaxaq Music Events.
“Għal darb’oħra, f’Ħal Għaxaq, se jerġa’ jsir il-kunċert Summerlust. Ħa jsir fid-9, 10 u s-16 ta’ Mejju. Se jkollna artisti internazzjonali, fosthom Chris Norman fid-9 ta’ Mejju u Gigi D’Alessio fl-10 ta’ Mejju. Dawn il-kunċerti se jiġu offruti lill-poplu Malti fejn f’kull kunċert se jkollna żona fejn dak li jkun, ikun jista’ jattendi b’xejn u jagħti donazzjoni, liema donazzjoni, imbagħad, tingħata għal Dar Bjorn.”
Frank Zammit, Għaxaq Music Events
Il-festival jiftaħ il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju b’serata mmexxija minn Chris Norman, il-vuċi leġġendarja tal-grupp Smokie. Waqt il-kunċert tiegħu, l-udjenza mistennija tgawdi minn kanzunetti magħrufin sew, bħal ‘Living Next Door to Alice’, ‘Oh Carol’ u ħafna oħrajn, li komplew jagħtu isem lil Smokie mal-erbat irjieħ tad-dinja.
Dakinhar il-band Different Minds tiftaħ is-serata, segwita minn warm-up minn DJ Alex Grech, waqt li DJ Pierre Cordina jagħlaq il-lejla.
Is-serata tas-Sibt 10 ta’ Mejju se tkun iddedikata lill-mużika Taljana, fejn Gigi D’Alessio, b’karriera b’saħħitha u ħafna suċċessi, jagħti spettaklu wkoll mill-qalb. Il-pubbliku se jgawdi minn diski bħal ‘Non Dirgli Mai’, ‘Napule’ u ħafna oħrajn.
Ivan Grech mal-band tiegħu jiftaħ is-serata, b’DJ Ziggy jagħti aktar ħajja lil din is-serata tal-festival.
Il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju, il-festival jagħlaq b’lejla iddedikata għad-disgħinijiet b’parteċipazzjoni internazzjonali minn Alice DJ, ICE MC u Ema Hewitt. Din is-serata se tkun b’xejn, iżda se jkun hemm ukoll VIP area għal dawk li jixtru l-biljetti minn showshappening.com.
Minbarra l-mużika, il-festival għandu dimensjoni soċjali bi ġbir ta’ fondi għal Dar Bjorn. Waqt l-edizzjonijiet preċedenti nġabru aktar minn €70,000 u din is-sena l-għan jibqa’ li ssir differenza fil-ħajja ta’ min għandu bżonn.
Dan kollu qed isir bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, waqt li aktar dettalji jinsabu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Summerlust Music Festival, li tiġi aġġornata kuljum.
Il-Ministru responsabbli mill-kultura, Owen Bonnici, iddeskriva dan l-avveniment bħala pjattaforma kemm għall-artisti Maltin kif ukoll għal dawk barranin.
“Jiena nemmen li minn din l-attività, ġid biss joħroġ. Joħroġ ħafna ġid, għax it-talent lokali fantastiku li għandna jingħata pjattaforma biex jesebixxi t-talent tiegħu quddiem folol ta’ nies li jmorru fil-Grounds ta’ Ħal Għaxaq. Joħroġ ukoll il-ġid għax il-Maltin u t-turisti, għax nara ħafna turisti f’dawn il-kunċerti, ikunu jistgħu jgawdu mit-talenti lokali u barranin li jiġu.”
Il-Ministru Owen Bonnici