Il-Partit Nazzjonalista, bħala l-partit tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, għandu jkun ċar kristall dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Dan fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem.
Minnufih il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għandu jiddikjara jekk il-pożizzjoni favur il-programm u t-tisħiħ tiegħu li esprima d-deputat Alex Borg fuq F Living, hix ukoll il-pożizzjoni tiegħu u tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Fid-dawl tal-ġid li ġġenera u jiġġenera għal pajjiżna dan il-programm, b’fondi minnu jintużaw għal skopijiet importanti bħal dawk soċjali u ta’ investimenti fl-iżvilupp tal-pajjiż, il-Partit Laburista jkun qed jilqa’ din il-pożizzjoni aġġornata tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista jfakkar fl-attakki fuq dan il-programm li saru mill-Partit Nazzjonalista u l-esponenti tiegħu fl-aħħar snin, anke jekk fi programmi elettorali ingħata x’jifhem li dan il-programm se jinżamm u esponenti tal-istess partit saħansitra ħadmu bħala aġenti tal-istess programm.
Issa li hemm dikjarazzjoni ċara ta’ esponent ewlieni tal-Partit Nazzjonalista favur it-tisħiħ ta’ dan il-programm, il-Partit Nazzjonalista għandu jkun ċar jekk din hix it-triq tiegħu għall-quddiem.
L-Oppożizzjoni għandha tieqaf tkun inkonsistenti u populista dwar tema bħal din fejn titkellem skont l-udjenza, fl-istess ħin li taħdem kemm tiflaħ kontra l-interess ta’ Malta barra l-pajjiż.
B’din l-istqarrija l-Partit Laburista qed jappella biex jibda kapitlu ġdid ta’ konverġenza nazzjonali dwar is-suġġett. Issa Bernard Grech irid jgħid lill-poplu Malti x’jemmen hu.