Fost l-aħħar kelmiet li lissen Papa Franġisku qabel ħalla din id-dinja kien hemm il-frażi “Grazzi li ġibtni lura fil-Pjazza”. Hekk qal lill-infermier personali tiegħu Massimiliano Strappetti wara li kien hu li ħeġġu biex idur għall-aħħar darba qalb in-nies bil-popemobile f’Ħadd il-Għid wara l-barka tal-Urbi et Orbi.
Fi Pjazza San Pietru l-Papa għannaq lin-nies, speċjalment lit-tfal, hekk kif din kienet l-ewwel dawra tiegħu minn meta ħareġ mill-isptar u li eventwalment kellu tkun l-aħħar ħarġa tiegħu qalb il-fidili. Għajjien, iżda kuntent, huwa esprima l-gratitudni tiegħu lill-infermier hekk kif kien affermat kemm kien Papa li l-ferħ tiegħu kien li jkun qalb in-nies, ħaġa li se tibqa l-punt fokali tal-pontifikat tiegħu bħal ma kien wiegħed mill-ewwel mumenti li ħa t-tmexxija tal-Knisja f’idejh nhar it-13 ta’ Marzu 2013 meta kien wiegħed li se “nimxu flimkien”.
Kienet ix-xewqa ta’ Papa Franġisku li jagħti l-aħħar sorpriża lill-miġemgħa ta’ 50,000 ruħ preżenti għall-barka ta’ Ħadd il-Għid b’dawra bil-popemobile iżda ma kienx ċert li saħħtu kienet tippermetti li jagħmel dan u għalhekk staqsa lil Massimiliano jekk kienx jaħseb li seta’ jagħmilha.
Filfatt ġurnata qabel flimkien kienu marru fil-Bażilika ta’ San Pietru sabiex jippjanaw ir-rotta li kienu se jieħdu wara li kien se joħroġ isellem lill-folla mil-loġġa ċentrali tal-Bażilika.
Strappetti kien il-persuna li ħa ħsieb il-kura personali tal-Papa sa minn qabel ma marad fi Frar u kien jassistih lejl u nar f’Casa Santa Marta wara li qatta miegħu t-38 ġurnata fl-isptar Gemelli. Huwa kien ilu l-infermier personali ta’ Papa Franġisku mis-sena 2022, wara li, skont il-Papa nnifsu, kien salvalu ħajtu meta kien issuġġerielu jagħmel operazzjoni tal-musrana l-kbira.
Fuq is-sit tal-aħbarijiet tal-Vatikan, kienu wkoll elenkati l-aħħar sigħat ta’ ħajjet Papa Franġisku fejn jidher li l-Ħadd waranofsinhar huwa mar jistrieħ u filgħaxija ppranza fil-kwiet.
Kien propju fil-5:30 tat-Tnejn filgħodu li beda jħossu ma jiflaħx b’dawk li kienu qed jieħdu ħsiebu jtuh attenzjoni immedjata. Madwar siegħa wara, b’idejh sellem lil Massimiliano Strappetti u waqa’ f’koma.
Skont dawk li kienu madwaru fl-aħħar sigħat ta’ ħajtu, ma bata xejn u kollox seħħ malajr.