Il-gażżetta Ingliża ‘The Sun’ ħabbret li l-kumpanija Toblerone ikkonfermat magħha li ma kinitx se tibqa’ tipproduċi l-verżjoni s-sewda ta’ din iċ-ċikkulata ikonika.
Din l-aħbar ma tantx niżlet tajjeb ma’ ħafna mill-klijenti li jiggustaw it-togħma taċ-ċikkulata skura fejn ħafna jiddiskrivu din il-verżjoni tat-Toblerone bħala l-aqwa ċikkulata.
Fir-Renju Unit ħafna xerrejja kienu diġà lmentaw li ma kienux qed isibu din il-verżjoni fil-ħwienet u kien hemm min saħansitra tefa’ kitbiet fuq Facebook ifittxu ħwienet li għad baqalhom fuq l-ixkafef tagħhom.
Jidher ukoll li min inzerta akkwista mill-ftit li kien baqa’ għad-dispożizzjoni tal-konsumatur issa qed jirkantahom fuq is-sit Amazon bi prezzijiet sa £25.
Iżda dawk li jħobbu din iċ-ċikkulata Żvizzera se jkun għad jistgħu jixtru l-verżjonijiet tal-ħalib u bajda.
Fl-2023 Mars ukoll kienu waqqfu l-produzzjoni tal-verżjoni skura taċ-ċikkulata Bounty.
It-Toblerone hija popolari ħafna mal-vjaġġaturi hekk kif bosta jixtru verżjonijiet differenti mid-Duty Free sabiex jagħtuhom lill-ħbieb u qrabathom meta jirritornaw lura d-dar.