Franġisku kien il-Papa li fetaħ il-bieb tal-Knisja għal kulħadd, int min fejn ġej, int min int u int kif int.
Hekk iddikjara l-Arċisqof George Frendo f’kummenti li ta lil dan l-istazzjon b’reazzjoni għall-mewt ta’ Papa Franġisku.
L-Arċisqof Frendo qalilna li huwa ltaqa’ mal-Papa f’okkażjonijiet differenti, fosthom meta qaddes miegħu fil-Kappella ta’ Casa Santa Marta u anke f’Sinodu tal-Isqfijiet.
F’kumment telefoniku huwa saħaq kif anke l-isem biss li għażel meta ġie elett Papa wera l-aġenda ta’ sempliċità li kien se jimxi biha u kif verament seħħ.
L-ewwelnett fl-għażla tal-isem, Franġisk ma kien hemm l-ebda Papa b’dak l-isem, isem li diġà kien qiegħed juri illi t-tip ta’ programm illi kien se jsegwi bħala Papa, is-sempliċità ta’ San Franġisk, l-umiltà.”
L-Arċisqof George Frendo
Punt li semma Monsinjur Frendo fil-papat ta’ Franġisku, kien dak li mexxa l-knisja għaż-żminijiet tal-lum.
“Il-Papa Franġisku kien bniedem illi kien jaf jaqra s-sinjali ta’ żminijietna, kien konvint illi miż-żmien meta s-snin disgħin kien tlaqqa’ dak is-sinodu u ż-żwieġ u l-familja, is-sitwzzjoni nbidlet ħafna.”
L-Arċisqof George Frendo
L-Arċisqof Frendo anke nnota kif Franġisku kien Papa b’moħħ miftuħ li laqa’ lil kulħadd fil-Knisja t’Alla.
“Dawk huma kollha sinjali li juru li kien verament kien Papa kbir, Papa ta’ kuraġġ, Papa b’moħħ miftuħ għax kien sensibbli għas-sinjali taż-żminijiet u Papa li kompla jiftaħ il-bibien u t-twieqi tal-Knisja.”
L-Arċisqof George Frendo