Il-Gvern irreveda l-mira għad-defiċit għal din is-sena, minn 3.5% kif imħabbar fl-aħħar baġit, għal 3.3%.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, f’konferenza tal-aħbarijiet li tat ħarsa lejn il-qagħda finanzjarja tal-Gvern wara li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO ħabbar li kemm id-defiċit u d-dejn ta’ pajjiżna komplew jonqsu fl-aħħar tas-sena l-oħra.
Fil-fatt, id-dejn tal-pajjiż fl-aħħar tal-2024 kien previst li se jkun 55.3% iżda dan laħaq is-47.4% tal-Prodott Gross Domestiku, ekwivalenti għal titjib ta’ 7.9%. Id-defiċit ukoll irreġistra titjib minn dak previst hekk kif dan niżel għal 3.7% tal-Prodott Gross Domestiku.
Dan l-andament wassal biex il-Gvern jirrevedi l-miri fiskali tiegħu filwaqt li jibqa’ jsostni l-ekonomija, kif jispjega l-Ministru Caruana.
“Minkejja li qegħdin nagħtu s-sussidji li qegħdin nagħtu, minkejja li għamilna l-akbar tnaqqis fit-taxxa fl-istorja, xorta waħda d-defiċit tal-Gvern qiegħed on track anzi qed naraw propju titjib dovut għall-fatt li l-Gvern qed ikompli jsaħħaħ id-dħul tiegħu. Għaldaqstant, dan se jwassal biex din is-sena se nirrekordjaw defiċit anqas, jiġifieri aktar aħjar minn dak propju li wassalt fl-aħħar budget.”
Il-Ministru Clyde Caruana
It-tkabbir ekonomiku u l-qagħda finanzjarja b’saħħitha tal-Gvern mistennija li jwasslu biex pajjiżna joħroġ mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċessiv qabel minn li mistenni.
“Il-fatt li d-defiċit nieżel b’rata daqstant tajba propju kollox qed jindika li għas-sena d-dieħla, meta naqra d-diskors tal-baġit tiegħi f’Ottubru li ġej se jkollna defiċit taħt it-tlieta fil-mija u għaldaqstant dak għandu jwassalna biex noħorġu mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv.”
Il-Ministru Clyde Caruana
Il-Ministru Caruana nnota kif l-miżuri li qiegħed jieħu l-Gvern qegħdin iwasslu biex il-finanzi tal-Gvern ikunu b’saħħithom aktar minn kemm hu stipulat mir-regoli tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari b’dejn nazzjonali taħt il-ħamsin fil-mija, li jwasslu biex pajjiżna jkun f’pożizzjoni b’saħħitha biex jwieġeb għal kull sfida li tista’ tinqala’.
Apparti minn hekk, it-tkabbir fl-ekonomija qiegħed iwassal biex il-Prodott Gross Domestiku aġġustat skont kemm wieħed jista’ jixtri, pajjiżna kompla jiżboq il-livell tal-għajxien tal-medja Ewropea b’madwar għaxra fil-mija.
L-aħbarijiet pożittivi dwar il-finanzi tal-Gvern intlaqgħu ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela, li fuq il-midja soċjali nnota kif il-ħidma tal-Gvern qed tħalli l-frott tagħha. Dr Abela żied jgħid li dan kollu juri kif l-investiment u mhux l-awsterità huma ċ-ċavetta għat-triq ‘il quddiem.