Se tirritorna r-raba’ edizzjoni tal-Fireworks & Gastronomy Festival fil-Munxar nhar il-25 ta’ April li ġej mis-7:30 ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Il-festival jinkludi spettaklu ta’ mużika live minn gruppi rinomati li se joffru esperjenza unika ta’ mużika sinkronizzata mal-logħob tan-nar tal-ajru – spettaklu li jgħaqqad l-arti piroteknika mal-mużika f’armonija spettakolari.
Il-baned stabbiliti u l-kmamar tan-nar lokali se jkomplu juru t-talent tagħhom f’din l-arti tradizzjonali li tgħaqqad il-passat mal-preżent.
Il-gastronomija se tkun ukoll fiċ-ċentru tal-festival, b’ikel tradizzjonali Malti ppreparat minn chefs lokali.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, ħeġġeġ sabiex il-poplu jattendi għal dan il-festival fis-sena ddedikata għall-kultura ġewwa Għawdex.
“Aktar minn hekk ukoll huwa festival li jkompli jsaħħaħ l-aspett kulturali ġewwa l-gżira, anke f’din is-sena propju ddedikata għall-kultura propju r-reġjun ta’ Għawdex, u għaldaqstant inħeġġeġ lil kulħadd, bħalma m’għandix dubju se jiġri, sabiex jattendu, u flimkien ikunu jistgħu jieħdu pjaċir b’dak kollu li jagħmilna Għawdxin.”
Il-Ministru Clint Camilleri
Dwar dan ikkummentat ukoll is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.
“Bil-ħidma tal-Kunsill Lokali, u anke permezz ta’ skema għall-attivitajiet kulturali maħruġa mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali sabiex ikompli jsostni lill-kunsilli lokali u jgħinhom iwasslu minn ġenerazzjoni għall-oħra s-sabiħ li għandna fil-lokalitajiet tagħna, imma fuq kollox il-kultura fil-lokalitajiet tagħna.”
Alison Zerafa Civelli, Segretarju Parlamentari