Fi stqarrija, il-Gvern iddikjara l-ġurnata tat-Tlieta 22 ta’ April, bħala jum ta’ luttu b’turija ta’ rispett lejn Papa Franġisku.
Anki l-ġurnata tal-funeral ta’ Papa Franġisku se titħares bħala jum ta’ luttu nazzjonali. Dakinhar funzjonijiet u attivitajiet pubbliċi tal-Gvern se jiġu mħassra.
Il-bnadar kollha fuq il-bini u l-uffiċini pubbliċi għandhom jittajru mezz’asta fiż-żewġ dati.
Fl-istqarrija ntqal li l-Papa Franġisku kien il-mexxej tal-Knisja Kattolika u simbolu tal-ġustizzja soċjali u l-paċi għall-popli tad-dinja kollha.
“Il-Gvern iħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu sabiex jingħaqad f’din l-aħħar tislima ta’ rispett billi josserva dawn il-ġranet ta’ luttu”, temmet tgħid l-istqarrija mill-Gvern Malti.
Aktar qabel, fi stqarrija oħra mill-Gvern Malti sellem il-memorja ta’ Papa Franġisku u ta l-kondoljanzi lill-Istat tal-Vatikan.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka l-ħidma importanti li wettaq Papa Franġisku tul il-pontifikat tiegħu, fosthom li wassal vuċi importanti favur dawk l-aktar vulnerabbli u tella’ fuq l-aġenda internazzjonali numru ta’ temi soċjali.
AQRA AKTAR: