Raġel li dejjem iffoka l-ħidma tiegħu fost il-fqar– hekk ġie deskritt il-Papa Franġisku, minn Patri Dijonisju Mintoff.
Dan intqal waqt intervista esklussiva li għamel ma’ ONE News it-Tnejn filgħodu.
Patri Dijonisju rrimarka kif jinsab ferm imdejjaq b’din l-aħbar, hekk kif dan l-aħħar Papa Franġisku kellu l-“qawwa fih” biex jegħleb il-mard u jkun jista’ jkompli jgħix ħajtu kif kienet qabel.
Waqt l-intervista, Patri Mintoff spjega kif sar jaf li l-Papa Franġisku kellu jżur Malta.
“U ċempel il-telephone hawnhekk u staqsieni jekk hinix patri Dijonisju. Għidtlu jien hu u hu staqsieni bit-Taljan. Imbagħad qalli Francesco, Francesco. Jiena għidt min hu dan Francesco? Għaddieli minn rasi kulħadd minbarra huwa.”
Il-Franġiskan, Patri Dijonijsju Mitoff
Hu kompla jgħid li, wara ħafna, staqsieh jekk kienx l-Papa Franġisku, u dan wieġbu “Sono io”, jiġifieri “jien hu”.
B’din l-aħbar, Patri Mintoff tela’ fis-seba’ sema u anke talab li jiktiblu b’mod elettroniku biex ikun jista’ jżomm din il-ġrajja bħala tifkira. Tant hu hekk, li kif bagħtu l-ittra elettronika b’mod formali, Dijonisju qalilna li għamel kopja tagħha u waħħalha mal-bieb ta’ barra.
“Qalli jiena ġej Malta u rrid niġi nara dan il-laboratorju tal-paċi li hemm Ħal Far u niġi niltaqa’ miegħek u niltaqa’ mal-immigranti. Qalli jiena inħobb din il-kawża ħafna u nixtieq inxerridha anke minn Malta.”
Il-Franġiskan, Patri Dijonijsju Mitoff
Il-Patri Franġiskan kompla jaqsam l-esperjenzi tiegħu magħna u qal kif, waqt li kien qed iżur il-Laboratorju tal-Paċi, il-Papa kważi lanqas ried jitlaq, hekk kif baqa’ jdur mal-immigranti. Hu nnota kif il-Papa, matul il-100 żjara li għamel, dejjem għażel li jmur f’postijiet foqra u xi wħud minnhom lanqas biss jiġu rikonoxxuti fuq il-mappa.
Hu rabat il-problema tal-immigranti mal-ħafna gwerer li hemm madwar id-dinja. Filwaqt li rringrazzja lil Alla li bagħat il-Papa Franġisku biex, bl-abbiltà tiegħu, ikun ta’ medjatur għall-paċi, ikkwota dak li qallu waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna dwar dan.
“Kien moħħu dejjem ma’ dawn l-immigranti u kull darba, ma kull diskors li jagħmel kien jappella biex in-nies jobdu l-parir ta’ Kristu meta qalilhom min jagħti tazza ilma lill-dawn, jagħti tazza ilma lili u meta qalilhom imbierek dak li jgħid imqar kelma waħda għall-paċi għax kull qatra, xi darba taqa’ f’dan il-baħar u timla baħar iktar.”
Il-Franġiskan, Patri Dijonijsju Mitoff