Tħabbret il-mewt ta’ Papa Franġisku fl-età ta’ 88 sena.
Huwa miet it-Tnejn, proprju l-għada ta’ Jum l-Għid – fir-residenza tal-Vatikan, Casa Santa Marta.
Il-Papa Franġisku kien il-266 Kap tal-Knisja Kattolika u kien ilu f’dan ir-rwol mit-13 ta’ Marzu tal-2013. Huwa kien l-ewwel Papa li ġej mill-Amerika Latina u anki l-ewwel Kap tal-Knisja Kattolika li kien ġej mill-Ordni tal-Ġiżwiti.
Jorge Mario Bergoglio twieled fis-17 ta’ Diċembru tal-1936 f’Buenos Aires, l-Argentina, iben ta’ ġenituri immigranti Taljani u kien wieħed fost il-ħamest itfal tal-koppja Mario u Regina.
Bergoglio ggradwa bħala tekniku fil-kimika u għamel xi snin jaħdem bħala inġinier fil-kimika, sakemm ta’ tnejn u għoxrin sena ddeċieda li jidħol is-seminarju.
F’Marzu tal-1958, huwa daħal mal-Ġiżwiti, fejn hawnhekk kompla jistudja u ggradwa fil-Filosofija.
Jorge Bergoglio kien ordnat saċerdot f’Diċembru tal-1969, fejn kompla jistudja u sar Professur tat-Teoloġija.
Erba’ snin wara, jiġifieri fl-1973, huwa nħatar bħala Provinċjal għall-Ġiżwiti f’pajjiżu, l-Argentina. Għamel sitt snin f’dan ir-rwol, hekk kif imbagħad, fl-1980 intbagħat Rettur fis-Seminarju ta’ San Miguel.
Wara dan il-perjodu, huwa serva bħala direttur spiritwali f’Cordoba għal tmintax-il sena.
Imbagħad fl-1998, Jorge Bergoglio nħatar Arċisqof ta’ Buenos Aires fl-Argentina. Baqa’ f’din il-kariga sakemm inħatar Papa fl-2013.
Fi Frar tal-2001, il-Papa Ġwanni Pawlu II ħatar lill-Monsinjur Bergoglio bħala Kardinal.
Bħala Kardinal, huwa ngħata numru ta’ pożizzjonijiet amministrattivi fil-Kurja u serva bħala membru f’numru ta’ kongregazzjonijiet.
Meta laħaq Kardinal, talab lill-Argentini biex ma jmorrux Ruma biex jiċċelebraw il-ħatra tiegħu ta’ kardinal, iżda minflok ried li dawk il-flus jingħataw lill-fqar.
Fiż-żmien li huwa għamel bħala Kardinal, huwa kien magħruf għall-umiltà u l-impenn tiegħu għall-ġustizzja soċjali.
Fl-2002, Jorge Bergoglio rrifjuta li jinħatar President tal-Konferenza Episkopali tal-Argentina, iżda tliet snin wara ġie elett għal terminu ta’ tliet snin, ħatra li kienet imġedda fl-2008.
Bħala Kardinal, fl-2005, il-Kardinal Bergoglio kien ħa sehem fil-konklavi fejn hemmhekk kien ġie elett il-predeċessur tiegħu, il-Papa Benedittu XVI.
Huwa kien l-ewwel Papa li ħa isem Franġisku ad unur il-qaddis San Franġisk ta’ Assisi.
Tul it-terminu tiegħu, il-Papa Franġisku kien ta’ spalla ma’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà u minoritajiet, fosthom mal-immigranti.
Ftit xhur wara sar il-Kap tal-Knisja Kattolika, il-Papa qal li jekk persuna tkun gay u jfittex lil Alla, għaliex għandu jkun hu biex jiġġudikah. Dan li ntqal mill-Papa Franġisku, ma niżlitx sew mal-forzi Konservattivi fi ħdan il-Knisja Kattolika.
Fl-2014, il-Papa waqqaf il-Kummissjoni Pontifikali għall-Protezzjoni tal-Minuri, b’din taħdem sabiex tipproteġi d-dinjità, fost oħrajn tal-vittmi ta’ abbuż sesswali.
Matul il-Papat tiegħu, il-Papa tkellem ukoll dwar il-familja moderna
Huwa ddedikat il-Papat tiegħu għall-fqar, hekk kif fost oħrajn ikkononizza lil Madre Tereza. Fl-2017, fl-ewwel jum dinji għall-fqar, il-Papa kiel l-ikel ma’ erbat elef persuna fqir.
Il-Papa Franġisku affaċċja l-isfida tal-pandemija globali, hekk kif waqt li d-dinja kienet imsakkra biex tevita l-imxija ħareġ jitlob madwar it-toroq ta’ Ruma, b’salib li jmur lura fis-seklu sittax waqt il-pesta. F’dan il-perjodu, il-Papa waħdu ħareġ fil-Pjazza tal-Vatikan jitlob għad-dinja kollha.
Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ tiegħu, dejjem tkellem dwar il-paċi madwar id-dinja. Dan anki fid-dawl tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li bdiet fl-2022, u l-gwerra fil-Lvant Nofsani li bdiet sena wara.
Papa Franġisku daħħal diversi riformi fi ħdan is-Santa Sede, bil-għan li jagħmilha aktar trasparenti u iktar qrib in-nies.
Tul il-Papat tiegħu tista’ tgħid li żar kull rokna tad-dinja sabiex iwassal il-messaġġ tal-Knisja.
Bis-36 vjaġġ Appostoliku ta’ Papa Franġisku jibqa’ wieħed immarkat fl-istorja ta’ pajjiżna, hekk kif is-suċċessur ta’ Pietru żar lil Malta bejn it-2 u t-3 ta’ April tal-2022.
Fost l-aħħar żjarat tiegħu kien hemm dik f’Settembru li għadda meta żar fost l-oħrajn: l-Indonesja u Singapore.
Aktar kemm il-Papa Franġisku beda jikber, aktar saħħtu bdiet sejra lura. Il-problemi f’irkuptejh waslitu biex ma jibqax jimxi. Tant li waħda mill-aħħar dehriet pubbliċi fejn huwa mexa kien fiż-żjara tiegħu f’pajjiżna.
Ilbieraħ, f’Jum il-Għid, huwa indirizza l-persuni miġbura fi Pjazza San Pietru, fil-messaġġ ta’ barka magħruf bħala l-Urbi et Orbi, fejn ħeġġeġ għal dinja fejn tirrenja l-paċi kkaraterizzata minn waqfien mill-vjolenza.
Minħabba l-kundizzjoni fraġli ta’ saħħtu l-Papa, għalkemm kien preżenti għall-funzjoni qal biss kelmtejn hekk kif ta l-awgurju tiegħu – fejn l-Arċisqof Diego Ravelli qara l-messaġġ tal-Papa f’ismu.
Il-preżenza tal-Papa kienet milqugħa b’ħafna ċapċip, hekk kif dan il-messaġġ moqri kien kritiku ħafna tas-sitwazzjonijiet ġeopolitiċi li bħalissa qegħdin jiddominaw l-aħbarijiet internazzjonali. Lil hinn mill-gwerer, il-Papa Franġisku tkellem anki fuq il-libertà li wieħed jassoċċja ruħu ma’ liema reliġjon irid, b’mod partikolari fid-dawl ta’ dak li qed jiġri fl-Afrika.
Papa Franġisku. Il-Papa modern u umli, b’ġustizzja soċjali u li ħabb lil kulħadd.
Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, sellmet il-memorja ta’ Papa Franġisku.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll, sellem il-memorja ta’ Papa Franġisku.