Żewġ goals fl-aħħar kwarta raw lil Gzira United jirkupraw minn goal żvantaġġ u jiksbu rebħa ferm siewja li ressqithom eqreb lejn is-salvazzjoni, filwaqt li għal Hibernians kienet it-tieni telfa konsekuttiva.
Gzira ħarġu fuq l-attakk u ħolqu l-ewwel periklu fl-ewwel minuta meta Lucas Ribeiro Macula kellu tentattiv jigi kklerjat f’corner.
Hibernians bdew joperaw bil-kontrattakki u marru fil-vantaġġ fit-13-il minuta meta pass ‘il quddiem ta’ Khevin Rodrigo Fraga wasal għand Jurgen Degabriele li bid-difiża żbilanċjata avvanza waħdu u għeleb lill-goalkeeper Giulio Mangano.
Għalkemm Gzira ppruvaw iwettqu reazzjoni u sfurzaw numru ta’ corners, kienu Hibernians li baqghu jidhru perikolużi fil-kontrattakki tagħhom, tant li fit-23 minuta Khevin Fraga kellu xutt salvat tajjeb mill-goalkeeper Mangano.
Ċans ieħor tajjeb għall-Pawlisti wasal fit-43 minuta meta Bjorn Kristensen ikkrossja għan-nofs fejn Alex Bruno ra x-xutt tiegħu jaħbat ma’ sieq il-lasta b’Mangano megħlub.
Hibernians fetħu fuq l-attakk fit-tieni taqsima u saħansitra skurjaw fit-48 minuta iżda l-goal skurjat minn Jurgen Degabriele ġie ġustament imħassar għal offside tal-istess plejer.
Fit-52 minuta kienu Gzira li resqu qrib meta minn corner mogħti minn Jackson Mendoza, Gabriel Bohrer Menz indirizza bir-ras għal ġewwa imma Ilias Martinis ikklerja biex ċaħħad lill-Maroons mill-goal tad-draw.
Erba’ minuta wara kien Taylor Aldama li ttanta xortih b’xutt angolat mill-qrib imma l-goalkeeper Hugo Sacco salva f’corner.
Gzira reġgħu resqu qrib fit-68 minuta meta Montell Shaquil dendel ballun insidjuż u Lucas Ribeiro Macula kkonkluda b’daqqa ta’ ras li l-Sacco salva b’diffikulta’.
Il-Maroons baqghu jippruvaw u kisbu l-goal tad-draw fis-76 minuta permezz ta’ Luis Carlos Riascos li approfitta minn clearance qasira tad-difiża tal-Hibs u spara xutt li spiċċa fis-saqaf tax-xibka.
Gzira saħansitra skurjaw anke l-goal li tahom tliet punti prezzjuzi fid-90 minuta meta minn freekick mogħti minn Kevin Tulimieri, Taylor Aldama xeħet bir-ras lejn il-lasta u Gabriel Bohrer Mentz ikkonkluda mill-qrib fix-xibka.
Fil-ħin miżjud is-sostitut Brooklyn Borg seta’ żied goal ieħor għall-Maroons imma x-xutt tiegħu minn qagħda tajba ġie salvat minn Sacco.
Referee: Daniel Casha
Plejer tal-Loghba: Taylor Aldama (Gzira Utd)