Ingħata bidu għall-proġett ta’ restawr tat-tliet faċċati tal-Kunvent ta’ Santa Margerita f’Bormla, li se jinkludi wkoll il-faċċata prinċipali tal-knisja u l-kunvent.
Dan il-proġett qed issir b’investiment aktar minn tliet mija u tletin elf ewro u mistenni jkun lest sa Lulju li ġej.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Il-Ministru Bonnici qal li dan il-proġett ta’ restawr huwa pass importanti biex nipproteġu u nippreservaw il-wirt storiku tagħna għal ġenerazzjonijiet futuri.
“Qed naraw din il-proprjetà, dan il-wirt storiku li qed jiġi rrestawrat għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu ta’ 300 sena. Qatt qabel illum ma sar restawr fuq dan l-ass patrimonjali mill-isbaħ u li jiddentifika tant tajjeb il-Belt Cospicua, il-belt ta’ Bormla. Aħna kommessi li nkomplu ninvestu f’Bormla u fl-irħula kolla u l-ibliet kollha tal-Kottonera għax dawn huma investimenti tajbin, li jkomplu jivvalorizzaw is-sbuħija li hawn f’din iż-żona.”
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret il-ħidma li qed titwettaq fuq dan il-proġett mid-Direttorat għar-Restawr u l-Fondazzjoni Kottonera.
“L-istorja ta’ dan il-kunvent f’Bormla huwa parti mill-wirt kulturali tal-Kottonera. Għaldaqstant huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nara l-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, flimkien mal-fondazzjoni Kottonera ssir realtà sabiex ġenerazzjonijiet futuri jkomplu jgawdu mill-wirt li għandu pajjiżna u wkoll dan il-post jerġa’ jieħu l-ħajja li jixraqlu.”
Ix-xogħlijiet kollha, mill-istadju tad-dokumentazzjoni tas-sit sas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-permess mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-ħruġ u l-għoti tal-kuntratt tat-tender, ġew imwettqa mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Konservazzjoni.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-post qed jitwettqu minn kuntrattur privat li ssottometta l-offerta rebbieħa u se jsiru taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Konservazzjoni.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi u s-Sindku ta’ Bormla Marco Agius u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.