Investigazzjoni ġurnalistika tefgħet dawl ġdid fuq żewġ negozjanti li kienu offrew 120,000 lira Maltija lil Anġlu Camilleri, magħruf bħala “l-Bedeq”, fiż-żmien li kien Deputat Laburista Għawdxi, biex iwaqqa’ l-Gvern ta’ Dom Mintoff fl-1973.
Fil-31 ta’ Mejju ta’ dik is-sena, fl-għaxra u kwart ta’ filgħaxija, żewġ negozjanti – Roger Camilleri u Ronnie Said – kienu marru d-dar tal-“Bedeq”, fin-Nadur, fejn ipprovaw jikkorrompuh.
Li ma kinux jafu kien li kien hemm żewġ uffiċjali tal-Pulizija moħbijin fid-dar, li semgħu kollox. Il-komplott ippjanat kien biex il-“Bedeq” jivvota kontra l-Gvern tiegħu stess, li kellu maġġoranza ta’ wieħed biss fil-Parlament. Dan seħħ ftit wara li f’pajjżina tħabbar li, fil-31 ta’ Marzu tal-1979, kellha tagħlaq il-bażi Ingliża f’Malta.
Min bagħathom jixtru lill-“Bedeq”?
L-awtur Francis Galea jitfa’ dawl ġdid fuq dan l-attentat ta’ kolp ta’ stat fil-ktieb ġdid tiegħu. “Il-Bedeq: Riedu jixtruh biex iwaqqa’ l-Gvern” hi pubblikazzjoni ġdida tal-SKS.

In-negozjanti Roger Camilleri u Ronnie Said kienu tressqu quddiem il-Parlament u nstabu ħatja li pprovaw jikkorrompu lid-Deputat Laburista u ġew ikkundannati xahrejn ħabs kull wieħed.
Dan il-ktieb tal-SKS se jkun għall-bejgħ nhar l-Ewwel ta’ Mejju waqt il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem organizzata mill-Partit Laburista fil-Belt Valletta.