Min daħħal l-art f’Tal-Bebbux, iż-Żurrieq fiż-żona ta’ żvilupp, għandu jkun l-aħħar wieħed li jagħti lezzjonijiet dwar l-użu tal-art agrikola. Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal li l-istqarrija tal-Oppożizzjoni turi biss inkonsistenza assoluta u nuqqas ta’ kredibbiltà għax l-ewwel tefgħet din l-art fiż-żona ta’ żvilupp u issa trid tilgħabha ta’ palladina bħala difensur.
Il-verità hi li din l-art mhux se tingħata għal żvilupp privat imma se tibqa’ art tal-Gvern u se tkun riservata għal proġetti li jaf ikunu meħtieġa fil-futur għall-benefiċċju dirett tal-komunità taż-Żurrieq.
Hemm impenn ċar u dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar dan. U kull deċiżjoni futura se ssir b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Dan juri biċ-ċar li l-Gvern Laburista jinsab impenjat sabiex jippjana fit-tul u jinvesti fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti, mhux għall-interessi privati kif implikat b’mod falz l-Oppożizzjoni li tagħha issa trid titfgħu fuq ħaddieħor.
Huwa ironiku kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jikkritika l-għażliet attwali meta fil-fatt kien proprju l-istess partit li poġġa lil din l-art f’żona ta’ żvilupp.
Dan juri li l-Oppożizzjoni għandha attitudni selettiva ħafna fuq meta u kif tagħżel li tagħmel oġġezzjonijiet għal proġetti pubbliċi. L-istess għamlet meta opponiet il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq kontra żvilupp ta’ supermarket f’żona ODŻ fil-viċin.
It-track record ħażin tal-Oppożizzjoni kulħadd jafu. Bil-kontra ta’ dan il-Gvern li sa din il-ġimgħa stess tħabbar li f’Bulebel sar trasferiment ta’ art agrikola ta’ aktar minn 126,000m² minn INDIS Malta għand l-Awtorità tal-Artijiet biex tibqa’ tinħadem mill-bdiewa. Din kienet wegħda elettorali li l-Gvern għal darb’oħra żamm u wettaq, bħala parti mill-impenn tiegħu biex tkun żgurata l-kontinwità tal-produzzjoni agrikola lokali.
Il-Gvern jibqa’ impenjat favur politika li taħdem fl-interess tal-komunità kollha, b’mod trasparenti u responsabbli, b’attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet taċ-ċittadini, inkluż taż-Żrieraq.