L-eks kandidat Nazzjonalista u opinjonista Kevin Cassar ma riedx iwieġeb dwar il-ġlied intern, li kompla jiżbroffa fil-Partit Nazzjonalista wara artiklu li kiteb hu stess fejn qal li d-Deputat Għawdxi Alex Borg huwa Żiemel tat-Trojja għall-Partit Laburista.
Wara konferenza tal-aħbarijiet fejn kien preżenti, Cassar, li jiġi ħaten Beppe Fenech Adami, ma riedx iwieġeb għall-mistoqsijiet li għamillu ONE News.
Ġurnalist: “Prof. nixtieq nistaqsik fuq suġġett differenti, inti tissapportjah lil Bernard Grech?”
Cassar: “Ma naħsibx li huwa l-lok.”
Kevin Cassar, Opinjonista
L-artiklu t’opinjoni ta’ Cassar qajjem furur fost l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, b’uħud, b’mod partikolari dawk qrib l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, juru solidarjetà ma’ Alex Borg u oħrajn skomdi jikktritkaw dak li kiteb minħabba l-qrubija tiegħu mal-establishment Nazzjonalista.
Kollox baqa’ ddettat mill-fazzjoni estremista li tikkmanda, primarjament il-Kap de facto Karol Aquilina u deputati, bħal Beppe Fenech Adami, waqt li Bernard Grech ikollu jobdi.
Aktar minn hekk, f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, fost l-oħrajn, reġgħet għaddiet ta’ Karol Aquilina li saħansitra ta ħasla lill-istess Borg.
Quddiem dan kollu, minkejja li l-kitbiet tiegħu huma lkoll pubbliċi, Cassar xorta baqa’ jinsisti li ma jweġbix għad-domandi ta’ dan l-istazzjon fuq dak li jikteb hu stess.
Ġurnalist: “Però xtaqt nistaqsik fuq l-opinion pieces li jkollok ippubblikati fil-gazzetti nhar ta’ Ħadd, li huma pubbliċi u xtaqt nistaqsik dwarhom ukoll.”
Cassar: “Kif qiegħed tgħid inti l-opinion pieces huma miktubin tiegħi fil-kariga privata tiegħi.”
Kevin Cassar, Opinjonista