WasteServ ippubblikat sejħa għall-offerti ġdida għad-disinn u l-bini ta’ Skip Management Facility.
Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ madwar €17-il miljun u din il-faċilità se tipproċessa skart imħallat li se jidħol permezz ta’ skips kbar li jintużaw f’xogħlijiet ta’ rinovazzjoni ta’ residenzi, kif ukoll f’proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ skala żgħira.
Dan l-impjant hu mgħammar b’linja awtomatizzata, dan l-impjant se jkollu wkoll dirgħajn robotiċi li kapaċi jidentifikaw u jisseparaw flussi differenti ta’ skart.
B’dawn is-sistemi robotiċi se jiżġuraw li materjal bħall-injam, biċċiet tal-metall u materjali oħra li għadhom tajba jkunu jistgħu jiġu rkuprati b’ mod effiċjenti.
Ladarba jiġu rkuprati, dawn il-materjali mbagħad jintbagħtu għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għall-esportazzjoni.
L-impjant se jinbena mingħajr il-ħtieġa li tittieħed iktar art, peress li se jinbena b’mod innovattiv bejn żewġ miżbliet, dik tal-Magħtab li illum tinsab magħluqa u tal-Għallis.
Ix-xogħlijiet preliminari biex jinħoloq dan l-ispazju li se jservi bħala pjattaforma biex tkun tista’ tinbena diġà tlestew permezz ta’ sejħa għall-offerti separata u ġew ukoll iċċertifikati.
Din il-faċilità se jkollha rwol importanti sabiex jitnaqqas l-iskart li jispiċċa fil-miżbla biex tkun tista’ tiġi ġestita b’mod iktar effiċjenti filwaqt li se tkun qed tikkontribwixxi b’mod pożittiv biex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul fis-settur tal-iskart u l-miri nazzjonali tar-riċiklaġġ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca tenna li din il-faċilità tirrappreżenta pass sinifikanti ’l quddiem fil-missjoni ta’ WasteServe li tnaqqas mill-iskart li jispiċċa fil-miżbla.
Spjega li b’kapaċità li tipproċessa 47,000 tunnellata ta’ skart fis-sena, din il-faċilità se tinbena b’mod innovattiv mingħajr ma tittieħed iktar art biex b’hekk WasteServ tuża bl-aħjar mod ir-riżorsi disponibbli.
WasteServ tistieden lill-offerenti interessati kollha biex jipparteċipaw billi jissottomettu l-offerti tagħhom sas-16 ta’ Lulju li ġej.