Tliet armaturi tas-Samuraj Ġappuniżi, li kienu ngħataw lil Malta fl-1862 bħala parti minn missjoni diplomatika, ġew irrestawrati bir-reqqa u magħqudin mill-ġdid minn konservaturi esperti fil-Ġappun, grazzi għal inizjattiva ta’ kollaborazzjoni bejn Heritage Malta, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, u l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun.
B’turija ta’ diplomazija kulturali fl-aqwa tagħha u fuq l-inizjattiva tal-Malta Enterprise, waħda mill-armaturi tas-Samuraj, flimkien ma’ armatura oħra minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, se jkunu għall-wiri fil-Padiljun Malti waqt l-Expo 2025 f’Osaka, Kansai, proprju f’għeluq is-60 sena mir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-armaturi tas-Samuraj kienu ngħataw bħala rigal lil Malta minn delegazzjoni Ġappuniża li żaret pajjiżna, waqt waqfa f’Malta li kienet xi ħaġa naturali minħabba l-qagħda strateġika ta’ pajjiżna u minn hawn id-delegazzjoni baqgħet sejra Franza.
Minħabba li kienet esposta għall-umdità għal żmien twil, Heritage Malta għarfet, fl-2016, li tirrestawra dan ir-rigal minsi, waqt żjara mill-Ambaxxatur Malti għall-Ġappun, Andrè Spiteri, fl-Armerija tal-Palazz.
L-Ambaxxatur Spiteri offra li jgħin biex jinstabu esperti Ġappuniżi maqtugħin għal dan it-tip ta’ xogħol.
Tul dan il-proċess instab li dawk li kienu maħsubin li huma l-partijiet ta’ żewġ armaturi, fil-fatt kienu jinkludu l-partijiet ta’ armatura oħra li ma kinitx dokumentata. Din kienet sejba affaxxinanti minna nnifisha.
Din l-inizjattiva ta’ restawr mhux biss wasslet għall-preservazzjoni ta’ artifatti prezzjużi, iżda tissimbolizza wkoll it-tiġdid tar-rabtiet storiċi u r-rispett reċiproku bejn Malta u l-Ġappun.
Dak li qabel kien rigal diplomatiku minsi issa nbidel f’ikona ta’ wirt kulturali, li se tkun apprezzata mill-miljuni ta’ persuni li mistennija jżuru l-Expo 2025 u aktar tard mill-viżitaturi fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.