National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, bi pjaċir iħabbru li Brian Cini rebaħ l-ewwel unur tal-IZIBET Elite Athlete Award għal din is-sena li jkopri x-xhur ta’ Jannar u Frar.
Brian Cini li għandu 28 sena, ġie runner-up fl-IBSF World Snooker Championships li saru fil-Marokk, wara li fil-finali ġie megħlub miż-żagħżugħ Ċiniż Yang Gao 5-3.
Gao rebaħ l-ewwel frame, iżda Cini baqa’ ffukat u rebaħ iż-żewġ frames konsekuttivi b’total ta’ 67 u 78 punt rispettivament. Min-naħa tiegħu Gao rebaħ ir-raba’ frame u b’hekk marru għall-intervall f’parità ta’ 2-2. Iż-żewġ plejers baqgħu juru livell għoli ta’ logħob iżda Gao li għad għandu 20 sena rebaħ l-aħħar żewġ frames. B’din ir-rebħa Yang Gao se jkollu d-dritt li jilgħab bħala plejer professjonali fil-World Snooker Tour. Min-naħa l-oħra Brian Cini bħala runner-up seta’ jieħu sehem fil-Kwalifiki għall-Kampjonati Dinjija li saru f’Sheffield, l-Ingilterra, aktar kmieni dan ix-xahar.
Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ National Lottery plc, qal: “F’National Lottery plc, aħna kburin ħafna li nappoġġaw lill-atleti lokali u nirrikonoxxu x-xogħol iebes u d-dedikazzjoni tagħhom. Il-kisba notevoli ta’ Brian Cini fl-IBSF hija xhieda tat-talent u l-impenn tiegħu. Tassew li jixraqlu li jirċievi dan l-unur u nawgurawlu għall-aktar suċċess fil-karriera tiegħu.”
Min-naħa tiegħu l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Clinton Buhagiar qal, “Brian huwa wieħed mill-aqwa atleti li għandna fil-mument. Huwa eżempju ċar ta’ determinazzjoni, professjonalità u perseveranza. Li wasal sal-finali f’dawn il-kampjonati huwa xhieda ta’ kemm Brian jieħu bis-serjeta t-taħriġ tiegħu. M’għandix dubju li dwar Brian se nkomplu nisimgħu fix-xhur u s-snin li ġejjin.”
Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.
Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.
Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/