Fil-binja tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil f’Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ltaqgħu mal-erbat itfal Palestinjani minn Gaża li jinsabu f’pajjiżna biex jirċievu kura medika.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll mal-familji ta’ dawn it-tfal. Huwa għamlilhom kuraġġ u qalilhom li huma milqugħa f’pajjiżna biex jerġgħu jieħdu ħajjithom mill-ġdid wara s-sofferenza li ġabet magħha l-gwerra. Sostna kif pajjiżna dejjem jibqa’ jimbotta l-pożizzjoni konsistenti tiegħu favur il-paċi u l-waqfien b’mod permanenti tal-ġlied. Fil-preżenza wkoll tal-Ambaxxatur Palestinjan f’Malta Fadi Hanania spjega kif Malta tibqa’ tadvoka favur is-soluzzjoni taż-żewġ Stati.
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela tat rigali lil dawn it-tfal mill-inizjattiva li ssir ta’ kull sena ‘Rigal bi Mħabba’ frott il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi. Intant kien il-Ħamis, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu li permezz ta’ vjaġġ li ħa sigħat twal mil-Lvant Nofsani, dawn it-tfal waslu f’pajjiżna biex jirċievu l-kura medika fl-isptar Mater Dei. Dan wara wkoll ħidma kkordinata taħt inizjattiva mħaddma skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili bis-sehem tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta.
