Mal-ħames mitt pazjent diġà gawdew mill-avvanzi li qegħdin isiru fil-kura personalizzata ta’ kirurġija vaskulari fl-Isptar Mater Dei. Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, fejn ingħatat informazzjoni dwar ix-xogħol li għaddej f’dan il-qasam.
Fil-fatt, bl-investiment li sar, dawk li jbatu mill-kundizzjoni ta’ aortic aneurysm, illum il-ġurnata l-intervent isir b’qasma żgħira fil-koxxa minn fejn tiddaħħal molla fuq il-post affettwat u telimina r-riskju li tinfaqa’ l-arterja bil-konsegwenza li l-persuna tkun fil-periklu li titlef ħajjitha.
Qabel intervent simili kien ikun kostrett li jsir billi tinfetaħ iż-żaqq u tinbidel l-arterja, bil-konsegwenzi hawnhekk ikunu ħafna aktar serji. Fil-fatt, qabel, persuna li tagħmel dan l-intervent kien ikollha tagħmel żmien sostanzjali fl-isptar, saħansitra fl-ITU, iżda llum il-ġurnata din tagħmel biss sa massimu ta’ tmienja u erbgħin siegħa fl-Isptar, biex imbagħad tkun tista’ tkompli b’ħajjitha b’mod normali.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġiet elenkata l-importanza tal-kura preventiva, b’mod partikolari f’dawn il-każi fejn l-irġiel li jkunu għalqu ħamsa u sittin sena u jkunu mistiedna għall-iscreening li qiegħed isir jagħmlu dan u jattendu.
Dan is-servizz ta’ screening jgħarraf lill-persuna jekk tbatix minn din il-kundizzjoni u jekk dan ikun il-każ, imbagħad, tiġi ggwidata dwar l-aħjar triq li għandha tittieħed.
“Aħna f’din it-tip ta’ kura nixtiequ nkomplu nagħfsu fuqha, għax nafu li meta ninvestu f’kura preventiva nkunu qegħdin niffrankaw aktar fi trattament ta’ mard serju fil-fażi li ma tkunx bikrija. Ovvjament ir-riżultati għall-pazjent u għal dawk qrib tal-pazjent huma ħafna u ħafna aħjar, jiġifieri, iva, aħna ħa nkomplu ninvestu bis-sħiħ fil-kura preventiva.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela