Il-ħmistax t’April tal-elf disa’ mija tnejn u erbgħin (1942). Bħal-lum tlieta u tmenin (83) sena ilu, Malta u missirijietna ngħataw il-premju tal-George Cross mir-Re Ġorġ VI tar-Renju Unit.
Dan ingħata mill-Imperu Britanniku fl-eqqel tax-xita ta’ bombi li niżlu fuq pajjiżna fix-xahar ta’ April ta’ dik l-istess sena waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan il-ġest ingħata lilna bħala turija ta’ apprezzament lejn il-poplu Malti u Għawdxi, f’perjodu ta’ tbatija u telf ta’ bosta minn ħutu, iżda xorta baqa’ kuraġġuż u reżiljenti biex konna mill-aktar strumentali f’dan il-konflitt globali.
Ftit xhur biss qabel mietet fl-2022, ir-Reġina Eliżabetta II, it-tifla tar-Re Ġorġ VI, kienet bagħtet ittra lill-awtoritajiet f’pajjiżna fejn tenniet li l-qlubija tal-poplu Malti mhuma se jintesew qatt fl-istorja.
F’Malta, f’nofs il-Mediterran, niżlet xita ta’ bombi mill-qawwiet tal-Assi, jiġifieri dawk Taljani u Ġermaniżi, fost l-oħrajn, minħabba l-operazzjoni fl-Afrika ta’ Fuq.
Bosta Maltin tilfu ħajjithom u oħrajn tilfu djarhom, speċjalment dawk li jgħixu fin-naħa tal-Port il-Kbir.
L-unur tal-George Cross kien eventwalment spiċċa fuq il-bandiera tagħna nazzjonali Maltija mis-sena ta’ wara, fl-elf disa’ mija, tlieta u erbgħin (1943).
Din kienet l-ewwel u l-unika darba li tali unur ingħata lil pajjiż b’mod kollettiv.