Jared Micallef kiser ir-rekord nazzjonali tat-800m waqt li kien qiegħed jikkompeti fil-Kampjonati tal-Awstralja, fejn temm fil-ħames post fil-finali b’ħin ta’ 1:46.08 fid-WA Athletics Stadium f’Perth.
Fi tmiem il-ġimgħa mżewwaq b’rekords, iż-żagħżugħ Benjamin Salnitro rnexxilu jikseb ir-rekord nazzjonali fl-400m hurdles, meta fir-raba’ Challenge Meet ta’ Athletics Malta kiseb ħin ta’ 54.66s. B’hekk, l-atleta ta’ La Salle kiseb dan ir-rekord ġimgħa biss wara li Jordan Pace kien kiser l-istess rekord wara għadd ta’ snin.
Waqt l-istess avveniment, atleta ieħor ta’ La Salle, Thomas Grech, niżżel ismu wkoll fil-kotba tar-rekords, meta fit-3000m steeplechase rebaħ it-tellieqa f’ħin ta’ 10:33.82, l-aqwa ħin qatt reġistrat fil-kategoriji Under 23 u Under 20.
F’ġimgħa impenjattiva għall-atletika Maltija, erba’ atleti ħadu sehem fil-Kampjonati Ewropej tal-Ġiri, f’Leuven, fil-Belġju, fejn ikkompetew qalb l-aqwa atleti tal-kontinent. Luke Micallef ħa sehem fl-10 kilometri, fejn irreġistra ħin ta’ 30:34, filwaqt li Lisa Bezzina temmet l-istess distanza f’38:06. Fil-maratona, Simon Spiteri kiseb l-aqwa ħin personali tiegħu fid-distanza b’ħin ta’ 2:23:47, filwaqt li Dillon Cassar ġera n-nofs maratona f’1:07:45.
L-atleti żgħażagħ ma kienux t’inqas u għamlu unur lill-pajjiżna barra minn xtutna, meta kienu qed jieħdu sehem fil-Logħob tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Isport tal-Iskejjel li saru fi Żlatibor, fis-Serbja. Fil-kategorija taħt il-15-il sena, il-Maltin kisbu erba’ midalji, kollha tal-bronż. Kayleigh Ellul kienet protagonista b’żewġ midalji, meta temmet it-tielet kemm fit-300m u fil-100m hurdles, fejn f’din ta-aħħar hija kisbet l-aqwa ħin qatt reġistrat minn atleta Maltija (15.20 sekonda) fil-kategoriji Under 16 u Under 18. Matteo Gauci kiseb il-midalja tiegħu fit-800m, filwaqt li t-tim tar-relay tat-tfajliet, kompost minn Carey Spiteri, Kayla Slack, Leah Frendo u Kristina Azzopardi — ukoll għamluha għal fuq il-podju.

