Is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Charles Bonello mhux biss ikkonferma mal-gazzetta KullĦadd li għandu mpjieg fuq bażi full time bħala Assistent Personali tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, iżda fl-istess ħin serraħ ras kulħadd li qed jiddedika l-ħin kollu neċessarju kemm għall-impenji ma’ Gonzi, kif ukoll għax-xogħol tiegħu full time bħala Segretarju Ġenerali.
Il-KullĦadd irrapportat kif Bonello jitħallas minn fondi pubbliċi bħala Segretarju Privat ta’ Gonzi.
Intqal kif meta ġie elett bħala Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, ħafna ħasbu li Bonello kien se jwaqqaf l-impjieg tiegħu ma’ Gonzi. B’ħafna emmnu wkoll li Bonello mhux se jibqa’ l-Asssistent Personali tal-eks Prim Ministru Nazzjonalista, għaliex mhux possibbli li jsib il-ħin biex jaħdem żewġ impjiegi full time fl-istess ħin.
Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-KullĦadd bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lil Bonello, kif talab huwa stess.
It-tweġiba xotta ħafna tas-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista kienet din: “Inserraħlek rasek li x-xogħol tiegħi bħala Assistent Personali tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qed inwettqu kif jitlob il-kuntratt li għandi mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u niddedika ħin kemm ikun neċessarju. L-istess nagħmel fil-kariga li għandi bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.”
Anke jekk ma qalx x’jitlob dan l-istess kuntratt, it-tweġiba mogħtija mis-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, mhux talli ma ċċaratx il-pożizzjoni tiegħu, talli tqajjem iktar mistoqsijiet u dubji serji dwar kif suppost qed ilaħħaq ma’ żewġ impjiegi full time.
Dan kollu qed iseħħ bil-barka ta’ Bernard Grech u ta’ Lawrence Gonzi għaliex il-Partit Nazzjonalista għad għandu problemi finanzjarji kbar ħafna u biex jiffranka parti mill-paga tas-Segretarju Ġenerali, sar ftehim ma’ Bonello nnifsu biex iżomm l-impjieg full time ma’ Gonzi, anke jekk fir-realtà qiegħed jiddedika ħinu fid-Dar Ċentrali biss.