Permezz ta’ wirja konvinċenti, Hamrun Spartans kisbu t-tielet rebħa konsekuttiv meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu fl-ewwel taqsima. B’hekk huma wettqu tpattija sportiva fuq l-istess Mosta, hekk kif fit-tliet konfronti preċedenti bejn dawn iż-żewġ timijiet matul dan l-istaġun, kienu dejjem li Mosta li ħarġu rebbieħa, darbtejn bl-iskor ta’ 2-1 u darba bl-iskor ta’ 1-0.
Mosta kellhom jgħaddu għal darb’oħra mingħajr is-servizzi ta’ Emmanuel Prince Chibuzor li kien qed jiskonta t-tieni sospensjoni minn tnejn.
Hamrun fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fil-11-il minuta meta JOSEPH ESSIEN MBONG venven xutt sabiħ minn ġol-kaxxa li ma ħafirx biex ta vantaġġ bikri lill-Ispartans.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u tmien minuti wara il-Kroat Roko Prsa wara li rċieva minn cross mil-lemin, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ftit għoli.
Mosta wieġbu fit-32 minuta meta xutt mill-viċin ta’ Giancarlo Goncalves ġie salvat f’corner bi bravura mill-goalkeeper internazzjonali ta’ Hamrun, Henry Bonello.
Huma komplew jippressaw fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u ħames minuti wara, reġa’ kien Bonello, l-eroj assolut tal-Ispartans meta salva żewġ konsekuttivi ta’ Mosta, b’tal-aħħar ikun xutt fil-baxx minn Prince Afriyie.
Iżda kienu Hamrun li resqu qrib li jirduppjaw l-iskor fit-43 minuta meta s-Serb Ognjen Bjelicic kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu b’lura tistampa mal-mimduda, b’Mosta jeħilsuha ħafif.
Huma rduppjaw l-iskor proprju fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin ta’ RAPHAEL LOPES SILVA li ma tat l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Fit-tieni taqsima, Hamrun naqsu ftit mir-rendiment tagħhom, b’Mosta jippruvaw iwettqu reazzjoni iżda kien biss fis-86 minuta li ħolqu l-uniku periklu f’din it-tieni taqsima meta wara li rċieva minn freekick tal-captain Clayton Failla, il-player minn Costa Rica, Matthew Bolanos Garcia kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin li rriżultat bħala waħda kemmxejn fraġli u ġiet salvata mingħajr diffikultá minn Bonello.
Hamrun baqgħu jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita, biex kisbu tliet punti prezzjużi.
Referee: Fyodor Zammit
Plejer tal-Logħba: Joseph Mbong (Hamrun S.)