Għal darba oħra, l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali DBRS Morningstar ikkonfermat ir-rating ta’ Malta bħala A (high) bi prospetti stabbli.
B’dan huwa l-aħjar rating li qatt ingħata pajjiżna minn din l-agenzija. L-esperti internazzjonali u li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd sostnew li l-ekonomija Maltija se tibqa’ tikber b’mod b’saħħtu.
Dan minħabba li pajjiżna għandu numru ta’ setturi li sejjer tajjeb fihom: bħat-turiżmu, is-servizzi professjonali u dawk finanzjarji. Il-konsum privat huwa b’saħħtu ħafna, minħabba li żdiedu l-pagi, speċjalment fis-settur pubbliku.
L-andament ekonomiku f’pajjiżna qed jispikka meta mqabbel mas-sitwazzjoni politika internazzjonali inċerta li qed tiżviluppa madwarna. Tant li skont l-esperti internazzjonali ngħad li t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna mistenni jibqa’ b’saħħtu ferm aktar mill-pajjiżi fiż-Żona Ewro.
Tant li dwar l-impatt tat-tariffi li se jimponi Gvern Amerikan ra’ Donald Trump fuq prodotti Ewropej, inkluż dawk li joriġinaw minn pajjiżna, ir-rapport tad-DBRS jgħid li l-impatt mistenni jkun ftit fuq Malta, meta mqabbel ma’ pajjiżi Ewropej oħra u dan minħabba l-ekonomija lokali hi bbażata fuq is-servizzi.
Filwaqt li rrimarkaw fuq id-deċizjoni tal-Gvern li jkompli jżomm l-prezzijiet tal-enerġija u fuel stabbli, l-esperti jemmnu li d-defiċit se jkompli jitnaqqas. Dan minbarra li kkumentaw li l-piż tad-dejn nazzjonali jikkompara ferm tajjeb meta mqabbel mal-pajjiżi Ewropej.
Ir-rapport jinnota wkoll kemm il-banek ta’ pajjiżna huma finanzjarjament sodi kif ukoll jsemmi titjib fil-bilanċ ta’ pagamenti nternazzjonali ta’ pajjiżna.
Fl-aħħarnett l-esperti ta’ din l-agenzija internazzjonali jgħidu li huma jemmnu li l-Prim Ministru Robert Abela jiggarantixxi kontinwità fejn jidħol titjib tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż u tal-governanza.
Dwar din l-aħbar irreaġixxa l-Prim Ministru Robert Abela fuq il-midja soċjali. Dr Abela nnota li minkejja l-Oppożizzjoni qed tipprova trewwaħ il-biżà dwar iż-żieda fit-tariffi Amerikani, skont id-DBRS, Malta se jkollha l-inqas impatt u pajjiżna se jibqa’ ferm aktar b’saħħtu meta mqabbel ma’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li l-miżuri li żiedu l-pagi u t-tax cut żiedu l-konsum privat u t-tkabbir ekonomiku.