Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar li l-Ġimgħa daħlu fis-seħħ l-emendi fil-Kodiċi Kriminali, Kapitlu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jirriformaw l-inkjesti maġisterjali. Din hi riforma oħra minn sensiela mwettqa mill-Gvern fis-settur tal-ġustizzja.
Din issa wkoll se taqta’ kull abbuż li kien qed jitwettaq fis-sistema, inkluż mill-eks Deputat Nazzjonalista u Avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, u l-esperti mqabbdin fl-inkjesta tal-isptarijiet, li swiet lill-pajjiż €11-il miljun.
Fi stqarrija, il-Ministeru responsabbli qal kif dawn l-emendi jsegwu l-pass storiku u kuraġġuż li ħa l-Gvern is-sena li għaddiet, meta, wara l-ħatra ta’ iżjed membri fil-ġudikatura, l-inkjesti bdew isiru minn grupp ta’ erba’ maġistrati speċjalizzati u ffokati biss fuq inkjesti.
Permezz ta’ din ir-riforma, il-vittmi jew qrabathom se jkollhom id-dritt li jkunu aġġornati kull sitt xhur bl-andament tal-inkjesti, se jkunu jistgħu jingħataw kopja b’xejn tal-proċess verbal, kif ukoll se jiġu informati dwar jekk tkunx ittieħdet deċiżjoni li ma tinbediex prosekuzzjoni.
Din ir-riforma tintroduċi wkoll emendi fl-inkjesti fuq talba taċ-ċittadin privat.
Bil-proċedura l-ġdida, mhux biss mhu se jiċċaħħad l-ebda aċċess għall-ġustizzja, iżda saħansitra, jekk ma jkunx hemm eżitu mill-investigazzjoni tal-Pulizija, il-proċess tal-konsiderazzjoni tat-talba biex tinfetaħ inkjesta ġie saħansitra elevat għal quddiem il-Qorti Kriminali preseduta minn imħallef, li jkun hu li jiddeċiedi jekk ikunx hemm lok li tibda inkjesta maġisterjali.
Dwar dan, il-Ministru Jonathan Attard qal li hawnhekk il-Gvern għażel it-triq li jsaħħaħ l-ispeċjalizzazzjoni tal-maġistrati u dan b’investiment bla preċedent, li issa ġie wkoll ikkumplimentat b’tibdil leġżlattiv b’rispett lejn l-impenn ċar tal-Gvern fil-manifest elettorali.
F’dak li jirrigwarda l-ħatriet u l-kontabbiltà tal-esperti, filwaqt li l-ħatra hi fid-diskrezzjoni tal-maġistrat, madankollu espert għandu jkun persuna fiżika u mhux kumpanija u, jekk mhuwiex fil-lista tal-esperti, irid jgħaddi minn proċess ta’ due diligence, li jitmexxa taħt is-superviżjoni tal-magistrat.
Marbut mal-aspett tal-ħlas tal-esperti, fejn l-ispiża tkun se taqbeż il-€50,000, il-maġistrat irid jiġġustifika din it-talba u jitlob l-approvazzjoni tal-Prim Imħallef.
Dawn l-emendi legali kienu dibattuti f’aktar minn disa’ seduti Parlamentari fit-tieni qari u, għal madwar seba’ sigħat oħra, fi stadju ta’ kumitat, b’interventi mill-pubbliku u s-soċjetà ċivili.
Fl-istadji Parlamentari, il-Gvern ressaq emendi li komplew isaħħu l-indipendenza u l-awtonomija tal-maġistrat inkwerenti.