Waqt konferenza, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), nediet l-Għodda ta’ Awtovalutazzjoni ta’ Verifika Soċjali, (Social Audit Tool) bħala parti mit-twettiq ta’ wegħda elettorali.
Din l-għodda tnediet wara li l-FSWS bdiet twettaq proġett bi prova ta’ social auditing f’għadd ta’ lokalitajiet biex issir ħidma akbar favur l-integrazzjoni u l-inklużjoni fil-komunità.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar il-pjaga tas-solitudni, u l-bżonn ta’ aktar ħidma kollettiva minn kulħadd sabiex inkunu ta’ spalla għal min għaddej minn dan il-perjodu ikrah. “Minkejja kull żvilupp teknoloġiku, xejn ma jieħu post il-kuntatt fiżiku u għalhekk qed insaħħu s-servizzi tagħna fil-komunità sabiex inkompli nilħqu aktar nies,” saħaq il-ministru.
Id-Direttur Thomas Galea qal li l-Aġenzija għas-Servizzi fil-Komunità u Terapewtiċi fi ħdan l-FSWS, qed tħaddem prinċipji favur li jkun hemm aktar sinerġija fil-qasam soċjali, speċjalment fl-għoti ta’ servizzi offruti minn għaqdiet governattivi u mhux governattivi fil-lokalitajiet.
“Dan l-aħħar sentejn saret ħidma f’disa’ lokalitajiet biex jinħoloq network għall-għaqdiet u l-organizzazzjonijiet li joffru servizzi li jaħdmu flimkien favur l-integrazzjoni u l-inklużjoni fil-komunità,” qal id-Direttur Thomas Galea.
Il-lokalitajiet huma l-Belt Valletta, il-Furjana, Raħal Ġdid, Ħaż-Żabbar, Birżebbuġa, San Pawl il-Baħar, Birkirkara, Ħal-Qormi u l-Mosta.
Waqt l-istess konferenza intqal li din l-għodda hija maħsuba biex tgħin lill-organizzazzjonijiet orjentati lejn il-komunità biex jirriflettu dwar ir-rispons tagħhom għall-ħtiġijiet ta’ komunitajiet diversi. Dan fid-dawl tal-prinċipji ta’ aċċess, ekwità u inklużjoni soċjali għal kulħadd. L-istrument huwa parteċipattiv, awtoriflessiv, flessibbli, orjentat lejn l-azzjoni, edukattiv, u etiku. Il-kelliema qalu li dawn il-karatteristiċi huma sinkronizzati mal-għan primarju tal-għodda, dak li jipprovdi biżżejjed opportunitajiet għall-parteċipanti biex jinvolvu ruħhom b’mod kritiku mal-organizzazzjoni rispettiva tagħhom, fi spazju edukattiv ekwu.
L-għodda hija wkoll mfassla biex tistimula l-iżvilupp kollaborattiv ta’ pjanijiet ta’ azzjoni, proposti ta’ proġetti, fora għal diskussjonijiet u networks, fost oħrajn.