Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ħabbar li Med Media Services Ltd (Med.tv) issa ngħaqdet bħala membru ġdid ta’ COPEAM — netwerk internazzjonali taħt l-UNESCO li jsaħħaħ il-koperazzjoni kulturali bejn pajjiżi Mediterranji.
Waqt it-32 konferenza ta’ COPEAM li qed issir f’Malta, il-Ministru Owen Bonnici qal li f’żminijiet ta’ tensjoni globali, il-kultura tista’ sservi ta’ pont għall-paċi u d-djalogu.
Il-Ministru faħħar l-inizjattiva ta’ Dr Anton Tabone li wasslet biex Malta tissaħħaħ f’dan in-netwerk, u rringrazzja wkoll lill-Public Broadcasting Services u lill-Kunsill Malti għall-Arti għall-ħidma kontinwa tagħhom f’dan il-qasam.
“Med.tv għandu rwol importanti biex Malta tkompli tippromwovi l-kultura u l-koperazzjoni fir-reġjun tagħna,” temm jgħid il-Ministru.