Il-Gvern Ingliż ħabbar għajnuna militari addizzjonali għall-Ukrajna li tammonta għal £450 miljun, hekk kif ir-Renju Unit u l-Ġermanja qed jippreparaw biex jospitaw laqgħa ta’ 50 nazzjon fi Brussell.
Is-Segretarju tad-Difiża għar-Renju Unit, John Healey qal, li f’din il-laqgħa, uffiċjali inkarigati mid-difiża tad-diversi pajjiżi se jiltaqgħu biex jgħamlu pressjoni fuq il-President Russu Vladimir Putin u jisfurzawh itemm l-invażjoni tiegħu fl-Ukrajna.
Sadanittant, il-pakkett ta’ għajnuna mir-Renju Unit jinkludi, fost oħrajn, l-iffinanzjament ta’ eluf ta’ drones u t-tiswija ta’ vetturi militari diġà pprovduti mill-Ingliżi. Madwar £350 miljun tal-fondi se jinħarġu mir-Renju Unit bil-bqija jaslu minn Norveġja permezz tal-fond internazzjonali għall-Ukrajna mmexxi mir-Renju Unit.
Sadanittant il-Ħamis, il-Prinċep Harry iltaqa’ mal-vittmi tal-gwerra tal-Ukrajna meta żar klinika ta’ riabilitazzjoni ta’ persuni u militari midruba. Fis-Superhumans Center fil-belt ta’ Lviv, huwa kellu l-opportunità jitkellem ma’ pazjenti u ħaddiema. Jakkumpanjawh kien hemm nies mill-Fondazzjoni Invictus Games li kienu jinkludu erba’ veterani tal-gwerra li kienu segwew riabilitazzjoni simili. Din il-fondazzjoni kienet imwaqqfa mill-Prinċep stess fejn fiha veterani tal-gwerra, li kienu feruti, jikkompetu f’avvenimenti sportivi.
Minħabba s-sigurtà tal-Prinċep, din iż-żjara ma kinitx irrappurtata qabel ma’ Harry kien diġà telaq mill-Ukrajna ,hekk kif il-belt ta’ Lviv frekwentament kienet suġġetta għall-attakki minn missili Russi.