Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, indirizzat il-laqgħa tal-proġett MEDIAS (Mediterranean International Acoustic Survey) li saret f’Malta. Hija enfasizzat l-impenn ta’ Malta favur il-koperazzjoni reġjonali, l-immaniġġjar sostenibbli tas-sajd u r-rispett lejn id-direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Il-proġett MEDIAS għandu l-għan li jiġbor informazzjoni fuq speċi ta’ ħut pelagiċi żgħar bħall-inċova u s-sardin, li għandhom valur ekonomiku u ekoloġiku kbir. Din l-informazzjoni mbagħad tintuża biex jiġu stmati n-numru ta’ popolazzjoni tagħhom fl-ibħra u biex jiġu fformulati strateġiji ta’ mmaniġġjar sostenibbli tas-sajd.

“Bħala gżira f’nofs il-Mediterran, Malta tifhem b’mod ċar kemm hu kruċjali li nsibu bilanċ bejn il-ħarsien tal-ekosistemi u l-bżonnijiet tal-komunitajiet tas-sajd. Il-kontribut tagħna fil-proġett MEDIAS juri l-impenn tagħna lejn immaniġġjar sostenibbli tas-sajd ibbażat fuq ix-xjenza u fuq il-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi Mediterranji,” sostniet is-Segretarju Parlamentari.
Filwaqt li rringrazzjat lill-parteċipanti u l-organizzaturi tal-proġett, hija faħħret ix-xogħol importanti li qed isir minn pajjiżi parteċipanti bħal Spanja, Franza, l-Italja, is-Slovenja, il-Kroazja, u l-Greċja. Hi tkellmet fuq l-importanza ta’ metodoloġiji uniċi li jwasslu għal informazzjoni aktar affidabbli u deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell reġjonali.
L-Aġenzija Aquatic Resources Malta ospitat din il-laqgħa ta’ tlett ijiem f’pajjiżna għar-riċerkaturi u x-xjentisti mill-pajjiżi Ewropej involuti fil-proġett tar-riċerka MEDIAS. Il-parteċipanti kellhom kliem ta’ tifħir għall-organizzazzjoni u l-ospitalità. Waqt il-laqgħa tħabbar li Malta se tkun qed tassumi r-rwol ta’ Chair tal-Grupp għas-sentejn li ġejjin. L-Aġenzija Maltija laqgħet din l-aħbar b’sodisfazzjon u ser tkun tassumi dan l-irwol b’responsabbiltà.
Is-Segretarju Parlamentari temmet billi affermat li Malta tibqa’ kommessa li taħdem b’mod attiv favur l-użu sostenibbli tar-riżorsi marittimi, u li se tkompli tinvesti fir-riċerka, it-teknoloġija u t-taħriġ.