Żewġ żgħażagħ ta’ 17-il sena u 19-il sena wieġbu ħatja għall-akkużi kontrihom li kkawżaw ġrieħi gravi lil erba’ minorenni u li kisru l-paċi pubblika waqt ġlieda biswit il-klabb Gianpula. Tnejn oħra ta’ 18-il sena, li ġew akkużati bl-istess reat, għażlu li ma jammettux fil-Qorti.
Il-Qorti semgħet kif 12-il siegħa wara l-ġlieda, li seħħet fil-parkeġġ fil-limiti tar-Rabat fil-lejl bejn il-25 u s-26 ta’ Ottubru li għadda, wieħed mill-vittmi mar fl-Għassa tal-Pulizija tas-Siġġiewi mal-ġenituri tiegħu biex jirrapporta l-każ.
Hu spiċċa l-Isptar minħabba l-aggressjoni.
Il-Maġistrat Monica Vella, li semgħet il-każ, enfasizzat l-età żgħira tal-akkużati u l-fedina penali nadif u argumentat li sentenza effettiva ta’ ħabs ma kinitx xierqa. Minkejja dan wissiethom li dan l-inċident m’għandux jirrepeti ruħu.
Iż-żewġ żgħażagħ, li ammettew, ġew ordnati jagħmlu 100 siegħa ta’ servizz fil-komunità, waqt li poġġiethom taħt probation għal tliet snin. Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000 kull wieħed.