Il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi approva l-istrateġija diġitali li nnegozja l-Ewroparlamentari Malti u Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti, Alex Agius Saliba. Din l-istrateġija hija ffukata fuq proposti sabiex fuq bażi Ewropeja jkollna pjattaformi u infrasstrutura diġitali Ewropeja li jistgħu jikkompetu ma’ dawk Amerikani u li ġejjin minn kontinenti oħrajn.
Agius Saliba mexxa ‘l quddiem l-idea li jinħoloq Fond ta’ Sovranità Diġitali Ewropea illi jikkontribwixxi b’mod dirett sabiex jiffinanzja proġetti li jistgħu joħolqu alternattivi Ewropej għal pjattaformi bħal Facebook, Whatsapp, Instagram u X. Dan hekk kif issa jidher ċar illi l-pjattaformi Amerikani qed isibu l-appoġġ mill-Gvern Amerikan sabiex ma jimxux mal-liġijiet diġitali Ewropej, b’mod partikolari dawk intiżi sabiex tiġi kkontrollata l-misinformazzjoni u d-disinformazzjoni.
Din l-istrateġija tinkludi wkoll proposti sabiex jiġi kontrollat il-mod kif isiru ir-riklami fuq bażi online dan hekk kif 80% tar-reklamar online Ewropew, illum ’il ġurnata huwa kkonċentrat f’idejn tliet kumpaniji; Meta, Amazon u Google. Agius Saliba spjega kif għandha tidħol fis-seħħ legiżlazzjoni li ma tagħmilhiex aktar possibli li informazzjoni personali sensittiva ma tkunx tista’ tintuża sabiex isir reklamar intrussiv fuq iċ-ċittadini Ewropej.
L-MPE Laburista ippropona wkoll il-ħolqien ta’ pjattaforma Ewropeja li tiċċentralizza fi ħdanha l-kontenut tal-media pubblika u dik irreġistrata li sservi bħala database Ewropeja u punt ta’ riferiment għall-aħbarijiet u kontent serju li jkun ħieles mill-miżinformazzjoni. Din il-proposta hija intiża b’mod dirett sabiex il-media Ewropeja tingħata pjattaforma aktar b’saħħitha fejn tidħol iċ-ċirkolazzjoni t’aħbarijiet fuq pjattaformi online.
Proposta oħra importanti illi hija waħda ewlenija f’din l-istrateġija hija ntiza sabiex jiġi kkontrollat il-mod kif jaħdmu l-pjattaformi sabiex il-vizzju tal-użu tal-pjattaformi fost dawk l-aktar vulnerabbli, inkluż it-tfal, titnaqqas. Għaldaqstant din l-istrateġija titkellem fuq abolozzjoni tal-endless scrolling minn fuq il-pjattaformi.
F’laqgħa mal-ġurnalisti Ewropej, Agius Saliba sostna li jinsab kburi illi 136 MPE fi ħdan il-Grupp tas-Soċjalisti approva din l-istrateġija illi hija ntiża sabiex l-Ewropa tkun aktar reżiljenti u inqas dipendenti fuq teknoloġiji diġitali illi ġejjin minn barra l-Kontinent Ewropew.