It-tifel li seraq il-qlub Maltin, Jake Vella, llum se jkun qed jaqta’ xewqtu. F’jum ta’ festa Jake Vella, li jbagħti minn kundizzjoni rari, flimkien mal-kowċ ta’ triathlon Fabio Spiteri se jkunu qed jingħaqdu bi Skype mal-aħwa ‘Brownlees’.
Dan huma żewġ aħwa mir-Renju Unit li jikkompetu f’kompetizzjonijiet ta’ triathlon. Dawn l-aħwa kienu saru ferm popolari wara li wieħed mill-aħwa kien jippreferi li ma jirbaħx tiġrija biex jgħin lil ħuħ li kien weġġà tul il-maratona.
Jake ta’ seba’ snin ibagħti minn kundizzjoni rari msejjħa Rohhad. Kundizzjoni li twassal li t-tifel jiżdied fil-piż minkejja li jagħmel eżerċizzju jew isegwi dieta speċifika. Kundizzjoni li minħabba fiha, Jake ma jistax isiefer u għalhekk dan kien l-unika mod li jaqta’ xewqtu u jitkellem mal-aħwa.
Dan it-tifel qed iservi ta’ ispirazzjoni għal bosta Maltin, li jammiraw il-fatt li minkejja din il-kundizzjoni huwa xorta waħda jibqa’ sportiv u ma jaqtax qalbu.
Fabio Spiteri kiteb fuq il-profil tiegħu ta’ facebook li: Me and Jake awaiting a skype call with the Olympic triathlon champions The Brownlees….how cool is that ? #teamjake #teamfabio #teamBrownlees