Tliet snin mill-elezzjoni ġenerali tal-2022, huwa ċar kristall li l-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela mhux biss baqa’ leali lejn il-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, imma f’ħafna każi qed iwettaq aktar milli kien wiegħed u f’iqsar żmien.
Konferma ta’ dan huwa l-fatt li r-rata tax-xoghol imwettaq fl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali hija ta’ 66%. Dan ifisser li kull ġimgħa u kull xahar, il-Gvern Laburista qed jinvesti fin-nies, fil-ħaddiema, fil-familji, fl-anzjani, fiż-żgħażagħ u fin-negozji b’miżuri konkreti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.
Għall-Gvern Laburista, il-ħaddiem qiegħed fiċ-ċentru tal-politika, fosthom bl-introduzzjoni tal-akbar tax-cut fl-istorja tal-pajjiż, bil-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, l-aqwa ftehim kollettiv li qatt sar għall-ħaddiema taċ-ċivil, inizjattivi konkreti favur ħlas ugwali għall-istess xogħol anke fis-settur privat, u żdiedet ukoll il-paga minima.
L-għajnuna lill-familji hija prijorità wkoll – fosthom żieda fiċ-children’s allowance; żieda fl-istipendji għall-istudenti li jieħdu korsijiet speċifiċi fl-Università u fl-MCAST, kif ukoll għajnuna supplimentari lill-familji li jkollhom tfal qed jistudjaw. L-ewwel darba li żagħżugħ jew żagħżugħa jixtru propjetà, qed jirċievu €1,000 fis-sena għal għaxar snin – għajnuna diretta biex ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom u jippjanaw aħjar il-futur tagħhom.
Ma jonqsux l-inizjattivi favur l-ambjent. F’Ta’ Qali saret l-akbar proġett ta’ spazji ħodor f’pajjiżna, bir-rigenerazzjoni tal-ispazji eżistenti, u reklamazzjoni ta’ 250,000 metru kwadru art li qabel kienet okkupata minn fabbriki llegali biex illum Ta’ Qali jammonta ghal 450,000 metru kwadru ta’ spazji ħodor li jinkludi ġonna kbar ġodda, żona ġdida għall-kunċerti, u l-bini ta’ parkeġġ ġdid taħt l-art.
Bħala parti mill-wegħdiet elettorali tal-Partit Laburista, inbeda b’suċċess Project Green li f’sena waħda tlestew 16-il spazju miftuħ u beda xogħol fuq 19 oħra – spazji li setgħu jinbiegħu lill-privat biex jiġu żviluppati, iżda li l-Gvern għażel li jagħtihom lura lin-nies.
L-istabbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija hija wkoll prijorità. Sa issa, il-Gvern investa aktar minn €930 miljun f’sussidji biex iżomm il-prezzijiet ta’ dawl, ilma u fuels fl-istess livell. Dan ifisser sigurtà u stabbiltà għall-familji u n-negozji fi żmien ta’ instabbiltà ekonomika internazzjonali.
Il-miżuri favur il-pensjonanti, bħal żidiet ta’ €8 fil-ġimgħa inkluż il-COLA, it-tisħiħ tal-Qorti tal-Familja, l-istrateġija nazzjonali kontra l-faqar u l-politika għat-tfal kollha juru kemm dan il-Gvern hu mpenjat lejn soċjetà ġusta u inklużiva.
Gvern Laburista qed jippremja lill-ħaddiema, familji u negozji b’miżuri reali, mhux kif għamel ħaddieħor fil-passat meta tefa’ l-piżijiet fuq il-ħaddiema, il-familji u n-negozji, filwaqt li staġna l-ekonomija, u eluf ta’ nies spiċċaw jirriġstraw għax-xogħol.
Il-Partit Laburista huwa impenjat li jara li l-miżuri mwegħda fil-manifest elettorali jkomplu jitwettqu u jissarrfu f’iktar għajnuna vera għal kulħadd. Dan juri l-impenn ta’ Gvern Laburista li jkompli jwettaq dak li wiegħed, kif ukoll serjetà politika u determinazzjoni li l-kelma mogħtija lill-poplu tinżamm.