Waqt li kien qed jixhed f’kawża t-Tlieta filgħodu, espert Irlandiż, li ħadem fuq l-inkjesta tal-isptarijiet, giddeb lill-Maġistrat Gabriella Vella li kienet responsabbli mill-proċess ġudizzjarju.
F’kawża quddiem l-Imħallef Edwina Grima relatata fuq l-ordni tal-iffriżar tal-assi fil-konfront ta’ numru ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-espert Irlandiż Andy Coles intalab jgħid jekk ħax ġurament f’Malta dwar ix-xoghol li wettaq fl-inkjesta.
Minkejja dan, Coles wieġeb li ma kien ħa l-ebda ġurament.
Fuq il-bażi tat-tweġiba tiegħu, l-avukati tad-Difiża rreferew lill-espert għal dokument fl-inkjesta ffirmat mill-Maġistrat Gabriella Vella fejn jingħad kif, fit-22 t’April tal-2024, hu flimkien ma’ numru ta’ esperti oħrajn, ħalef quddiem l-istess Maġistrata biex jikkonferma li x-xogħol, li għamel, wettqu b’onestà u bl-akbar abbiltà.
Coles, iżda, baqa’ jinsisti li hu qatt ma ħa dan il-ġurament, anzi żied li hu saħansitra qatt ma ltaqa’ mal-Maġistrat Gabriella Vella.
Is-seduta tat-Tlieta filgħodu ttrattat ukoll it-tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Għall-mistoqsijiet li sarulu, Coles wieġeb li hu qatt ma ġie f’Malta b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet, iżda kien hawn b’rabta ma’ inkjesta oħra. Minkejja din id-dikjarazzjoni, irriżulta li Coles kien f’Malta meta saret is-search fid-dar ta’ Joseph Muscat f’Jannar tal-2022, meta ntalab minn espert Irlandiż ieħor, Sam Sittlington, biex imur magħhom f’Burmarrad, avolja kien għadu ma nħatarx bħala espert fuq l-inkjesta tal-isptarijiet.
Fil-fatt, fil-Qorti, hu kkonferma li nħatar fuq din l-inkjesta disa’ xhur wara t-tfittxija, jiġifieri f’Ottubru tal-2022. Meta l-avukati ġibdulu l-attenzjoni li skont dokumenti tal-inkjesta hu nħatar bħala espert fit-2 ta’ Settembru tal-2020, l-espert baqa’ jsostni fuq id-data ta’ sentejn wara.
Mistoqsi kienx jaf x’ried ifittex eżatt fid-dar ta’ Dr Muscat, Coles qal li dakinhar ftit li xejn kellu idea tal-inkjesta tal-isptarijiet u li ntqal biss lilu biex jara jsibx affarijiet b’rabta ma’ Vitals jew Steward Healthcare.
Mistoqsi jekk hu personalment sabx xi ħaġa hawnhekk, Coles wieġeb li ma kien sab xejn.
Mix-xhieda mogħtija t-Tlieta filgħodu reġa’ kien ikkonfermat li s-search fid-dar tal-eks Prim Ministru saret biss mill-esperti barranin u ma kienx hemm involviment tal-Pulizija Maltija u li Sittlington ikkordina kollox.
Ta’ min jinnota li dan jikkontradixxi dak li xehed Sittlington innifsu f’okkażjoni oħra fejn qal li hu kien biss il-contact point mal-Maġistrat Vella.
Waqt li kkonferma li kien ra r-rapport finali tal-inkjesta, Andy Coles qal li kien diffiċli jwieġeb jekk jaqbilx miegħu. Hu qal li hu assista fid-drafts bikrija ta’ xi appendiċi, iżda mhux f’dawk finali. Mistoqsi dwar min kien ħadem fuqu, hu semma persuna Amerikana u oħra Kanadiża, iżda ma jafx min għamel ir-rapport finali.
Għalih ir-rapport hu ta’ Jeremy Harbinson u l-opinjonijiet fih huma biss tal-istess Harbinson.
L-espert wieġeb li hu ma kienx involut la fl-akkużi li nħarġu u lanqas fl-ordnijiet ta’ ffriżar li saru. Qal li ma kienx hu li ħareġ bl-ammont ta’ €30 miljun fuq l-ordni ta’ ffriżar fil-konfront tal-eks Prim Ministru u kompla jgħid li ma jafx min ħareġ b’dan l-ammont.
Mistoqsi min kien iħallsu għax-xogħol fl-inkjesta u jekk kienx jitħallas hu personalment jew jekk hux permezz ta’ xi kumpanija, Coles wieġeb li hu kien jitħallas minn Harbinson Forensics, permezz tal-kumpanija tiegħu Rhinoconsulting.
Din il-kumpanija għadha kemm ġiet xolta fil-25 ta’ Frar ta’ din is-sena.
Fil-bidu tas-seduta, l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonaw li tiġi eżaminata l-integrità u l-kwalifiċi tal-esperti. Fl-istess ħin, l-Avukat Vince Galea, f’isem Dr Joseph Muscat, ġibed l-attenzjoni għal allegazzjoni li għamel Manuel Delia f’artiklu f’gazzetta lokali, jiġifieri li Jeremy Harbinson inxtara jew qed jiġi mhedded biex ma jixhidx.
Il-Qorti talbet lill-Pulizija biex tinvestiga din l-allegazzjoni.
Is-seduta kienet ikkaratterizzata mill-fatt li kien hemm diffikultà teknika biex isir kuntatt, permezz tal-video conferencing, mal-espert u kellhom jgħaddu kważi 90 minuta biex Coles beda jagħti x-xhieda tiegħu.
Kien hemm qbil li, fis-seduti li jmiss f’Lulju, jintalbu jixhdu tmin esperti oħrajn.
L-Imħallef Edwina Grima qalet li l-Qorti issa trid tfittex l-indirizzi postali u elettroniċi tal-esperti biex ikun jista’ jsir kuntatt magħhom u, imbagħad, il-Qorti trid tistenna jekk l-esperti jaċċettawx li jixhdu.