L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) oġġezzjonat għal żvilupp f’żona fiż-Żebbuġ Għawdex li qed jiġi propost li fiha tinbena blokka ta’ appartamenti bil-pixxina.
L-applikazzjoni titlob il-permess għal sitt appartamenti mqassma fuq tliet sulari, pixxina kif ukoll parkeġġ fuq sular ieħor. Din iż-żona hija klassifikata bħala ODZ mill-Awtorità tal-Ippjanar.
L-ERA spjegat fi stqarrija li kienet diġà oġġezzjonat għal din l-applikazzjoni fit-23 ta’ Marzu. L-istqarrija tgħid li jekk l-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ il-permess ta’ żvilupp f’din iż-żona, l-Awtorità għall-ambjent u r-riżorsi mhux se tkun f’pożizzjoni li toħroġ il-permess ambjentali. Permess li huwa legalment neċċessarju biex dan l-iżvilupp ikun jista’ jsir.
L-istqarrija tispjega li l-Awtorità oġġezzjonat għal din l-applikazzjoni minħabba l-impatt viżwali f’żona li hija ambjentalment sensittiva. L-ERA qalet li dan l-iżvilupp se jkun qed jolqot b’mod ħażin is-sistema tal-wied flimkien mal-aspett rurali u s-siġar u l-pjanti li normalment insibu f’wied ta’ dan it-tip.