‘The Three Palaces Festival’ se jirritorna fi tmiem il-ġimgħa bi programm ta’ tlett ijiem ikkaratterizzati minn repertorji sublimi, postijiet storiċi u diversi artisti lokali u internazzjonali.
Bejn il-Ġimgħa 11 u l-Ħadd 13 t’April, din l-edizzjoni qasira tal-festival tibbaża fuq it-tradizzjonijiet u l-festi fil-gżira tagħna marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa, b’riflessjoni ta’ dan il-perjodu fiż-żmien liturġiku tas-sena.
Għalkemm il-festival jibqa’ jiċċelebra l-mużika klassika kif ukoll dik bikrija, l-għan hu li l-mużika tiġi elevata u interpretata b’mod differenti anke b’mod kontemporanju.
Fl-ewwel serata, il-pubbliku jista’ jiskopri prestazzjoni ta’ żfin bl-isem ta’ ‘Pietà’, b’mużika li tagħti ħajja lil mumenti partikolari, bħat-telf u l-imħabba, permezz taż-żfin.
Fit-tieni serata, l-udjenza se tkun mistiedna tiskopri l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, b’mod li qatt ma esperjenzatu qabel. L-ispettaklu se jiffoka fuq iż-żmien liturġiku tal-Ġimgħa Mqaddsa, permezz tal-mużika u l-arti li ġew maħluqa matul is-sekli biex jirriflettu dan il-perjodu.
Is-Sibt u l-Ħadd, il-pubbliku wkoll se jkollu l-opportunità li jsegwi parata ispirata mill-Medjuevu fit-toroq tal-Imdina u l-Belt Valletta.
‘The Three Palaces Festival’ hu organizzat minn Festivals Malta, taħt il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u bl-appoġġ ta’ GSD Ltd.
Aktar tagħrif dwar il-programm u għall-biljetti wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali ta’ Festivals Malta.