Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, indirizzaw l-24 edizzjoni tal-Commonwealth Law Conference, li qed titlaqqa’ fostna bis-sehem ta’ avukati u professjonisti legali oħrajn mis-56 pajjiż membru.
Il-konferenza u t-tema tagħha għal din is-sena jaħbtu eżatt mal-avvanzi u l-isforzi kontinwi li qed isiru minn pajjiżna biex jissaħħu l-istituzzjonijiet legali anke biex ikunu mħejjija għall-isfidi tal-futur.
Fil-ftuħ tal-konferenza għolja, id-Deputat Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon li Malta ntagħżlet biex tospita din il-laqgħa internazzjonali.
Dr Borg, li attwalment hu wkoll iċ-Chairperson tal-Grupp t’Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth, stqarr li Malta hi impenjata li tiżgura li l-valuri tal-Commonwealth jiġu mħarsa.

Hu nnota kif il-pajjiżi qed jgħixu sitwazzjonijiet globali li dejjem qed isiru aktar kumplessi, bir-rwol tal-liġi fil-promozzjoni tal-istabbiltà, tal-ġustizzja u tal-progress qatt qabel ma kienu daqstant kruċjali.
“Kemm jiena kuntent li din il-konferenza tal-assoċjazzjoni tal-avukati qed tinżamm f’pajjiżna, relevanti wkoll għall-fatt li bħalissa Malta qegħda tmexxi l-kumitat ta’ azzjoni ministerjali, jiġifieri dak il-kumitat l-iktar importanti u b’saħħtu biex jara li l-pajjiżi jkunu qed jirrispettaw il-prinċipji. Kien ta’ pjaċir li nilqgħu fostna u nkomplu nsegwu din il-konferenza matul din il-ġimgħa.”
Ian Borg, Deputat Prim Ministru
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Malti għall-Ġustizzja enfasizza l-istorja rikka ta’ pajjiżna u l-pożizzjoni strateġika tiegħu fil-Mediterran, fejn isservi bħala pont li jgħaqqad kulturi u ideat.

Il-Ministru Attard irrimarka li, fl-aħħar snin, Malta daħħlet riformi kostituzzjonali storiċi, akkumpanjati minn investimenti sostanzjali fir-riżorsi umani u l-infrastruttura.
“Hu ta’ sodisfazzjon għalina l-Maltin li nospitaw din l-24 edizzjoni tal-Commonwealth Law Conference. Din hi okkażjoni għalina l-Maltin li nirrakkontaw il-proċess riformattiv li għaddej u għadu għaddej minnu s-settur tal-ġustizzja biex nassiguraw dejjem aħjar aċċess għall-ġustizzja kif ukoll li jkollna istituzzjonijiet aktar b’saħħithom u saltna tad-dritt li tibqa’ fuq l-aġenda tal-pajjiż.”
Il-Ministru Jonathan Attard