Skemi ta’ fondi Ewropej issa huma iżjed aċċessibbli bil-għan li negozji żgħar u medji f’pajjiżna jiġu mgħejjuna finanzjarjament waqt li jtejbu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà fis-servizzi tagħhom, waqt li jingħataw l-opportunità li jinvestu f’aktar makkinarju modern.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Servizzi Ewropej Malta, Rodrick Zerafa, spjega kif, matul ix-xahar li għadda, inħarġu numru ta’ skemi ġodda kemm mill-istess entità kif ukoll direttament mill-Gvern immirati speċifikament għan-negozji żgħar u medji biex ikomplu jsaħħu l-operat tagħhom.
Permezz ta’ waħda minn dawn l-iskemi, l-applikanti jieħdu sa 50% tal-investimenti tagħhom sa massimu ta’ €256,000, jiġifieri jikkwalifikaw għal għajnuna diretta f’fondi Ewropej sa €128,000.
Għal investimenti simili f’Għawdex, l-għajnuna wkoll tiżdied.
“U dan qed nagħmluh permezz ta’ skema prinċiparjament illi tlaħħaq sa 50% ta’ kofinanzjament Ewropew jiġifieri li 50% tan-nefqa li jsir biex itejjeb l-operat tiegħek tiġi kofinanzjata minn Fondi Ewropej. U qed nagħmlu għall-ewwel darba diskriminazzjoni pożittiva qed insejħulha, għax għall-gżira Għawdxija qegħdin nagħtu 60% ma’ 40%. Dan biex ukoll naraw il-kompetittività fil-gżira Għawdxija tkompli tittejjeb, però qed nagħmlu dan għal għan wieħed, bil-għan li l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli timxi ’l quddiem. Rajna li matul dawn l-aħħar snin għandna l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li qatt kellu pajjiżna fl-istorja tagħna, €2.25 biljun.”
Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv, Sem
Zerafa spjega kif din l-iskema hi differenti minn oħrajn, għax se tkun qed tinfetaħ kull ħmistax sakemm jintlaħaq il-massimu tal-baġit li hemm u dawk interessati li japplikaw għall-fondi se jkunu jistgħu jagħmlu dan bla ħlas, għax l-għan ta’ din l-iskema hu li jassisti bl-aħjar mod lin-negozji żgħar u medji.
Bejn l-2023 u l-2024, madwar 70 kumpanija u self employed ġew mgħejjuna bis-sottomissjonijiet tagħhom għal fondi fi proġetti b’valur ta’ kważi €4 miljun.
Jirriżulta li, s’issa, 85% tal-applikazzjonijiet diġà ġew aċċettati għall-fondi.